Lokali Qorti

Mixli li ħebb għall-Pulizija fid-depot

Raġel ta’ 27 sena mill-Gambja inżamm arrestat wara li tressaq mixli quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia li fil-5 ta’ Novembru li għadda ħebb għal erba’ Pulizija ġewwa l-lock-up tal-Kwarteri Ġenerali. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-inident seħħ waqt li Bakary Fatty kien qed jinżamm mill-Immigrazzjoni għax mhux suppost kien jinsab Malta.

Dan għaliex kien skadilu t-terminu. Huwa kien beda jilgħaba li ma kienx f’sensih u sar agressiv u spiċċa ħebb u hedded lill-Pulizja kellu jintuża t-‘taser gun’ fejn għamel ukoll ħsarat f’xi uniformijiet tal-Pulizija. Il-prosekuzzjoni qalet li huwa kien miżmum fl-isptar Monte Carmeli u ġie rilaxxat nhar it-Tnejn.

Għall-ewwel huwa qal li kien se jammetti l-każ u għalhekk kien se jiġi mmultat 4,000 ewro u wara jiġi ripatrijat lejn pajjiżu. F’każ li ma jħallasx il-multa kieku kellu jiskonta 114-il ġurnata ħabs u wara jitkeċa minn Malta. Meta sema’ dan Fatty iddeċieda li ma jammettix u minkejja li l-Avukat tal-Għajnuna Legali Matthia Felice għamel talba għall-pleġġ, li kienet oġġezzjonati mill-prosekuzzjoni, l-Qorti ċaħdet it-talba.

Fatty ġie mixli li ħebb għas-Surġent Ranier Agius u l-kuntistabbli Saviour Chircop, Carl Isaac Schembr u Joanne Cutajar, u li kkaġna feriti ħfief fuq l-ewwel tlieta, skond ma ċċertifika t-tabib taċ-ċentru tas-saħħa tal-Floriana. Il-Prosekiuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Gabriel Micallef u Kevin Pulis.