Lokali Parlament

Pajjiż fid-dlam u l-ħabi fl-enerġija

Mark Anthony Sammut, PN

Id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut qal fil-parlament li jekk hemm kelma li kkaratterizzat is-settur tal-enerġija taħt dan il-Gvern, mhux biss issa imma tul l-10 snin kollha tiegħu, hija l-kelma dlam. Kuntratti. Moħbija fid-dlam.

Hu qal li deals u negozjati, prezzijiet, is-security of supply agreement, ir-rati ta’ kif u kemm qed nixtru elettriku, jew gass, il-Kontijiet Awditjati tal-Enemalta moħbija fid-dlam; u issa s-sussidji għall-enerġija.

“Aħna naqblu ma’ dawn is-sussidji u nemmnu li f’dan il-kuntest partikolari l-Gvern għandu jerfa’ dawn iż-żidiet biex ma jifqax l-ekonomija bl-inflazzjoni. Anzi allaħares ma nagħmlux hekk, għax li kellna ma nissussidjawx l-enerġija f’dan il-pajjiż, skont dak li preżenta l-Ministru nnifsu qabel il-Budget u fil-Budget, kieku jkollna fost l-ogħla rata tal-inflazzjoni fl-Ewropa. Il-fatt li għandna rata ta’ inflazzjoni għolja, minkejja li nissussidjaw l-enerġija, għandha tinkwetana”, sostna d-deputat Nazzjonalista.

Hu qal li dan għax ifisser li filwaqt li meta l-kriżi tal-enerġija tbatti, ħaddieħor ser jara r-rata tal-inflazzjoni nieżla, għax hija primarjament ikkawżata mill-enerġija, aħna le. “Għax ir-raġuni primarja tal-inflazzjoni f’pajjiżna mhix l-enerġija, imma hija l-mudell ekonomiku li ħaddimtu f’dawn l-aħħar 10 snin, li issa l-Ministru tal-Finanzi stess qed jammetti li mhux sostenibbli, kif ilna ngħidulu għal dawn l-aħħar 10 snin” sostna d-deputat Nazzjonalista.

Hu qal li l-PN jaqbel li l-konsumaturi jibqgħu jħallsu l-istess rati li kellhom. “Taf fejn ma naqblux? Li ma ttuhomx lura dak li sraqtuhom fl-aħħar tmien snin bil-kontijiet pro-rata kull xahrejn hemm ma naqblux. Wara li ammettejtu intom stess li qed jiġri hekk mhux issa ta, imma 4 snin ilu. Taf fejn ma naqblux ukoll? Mhux dwar x’qed iħallsu n-nies għall-enerġija, imma dwar x’qed iħallas il-Gvern għall-enerġija”, sostna Mark Anthony Sammut.

Hu sostna li l-Gvern jippretendi li 10% tan-nefqa tal-pajjiż tkun bla costings, bla breakdown. €472 miljun din is-sena, €608 miljuni s-sena d-dieħla. “Jiġifieri pajjiżna f’sentejn se jkun qed jonfoq €1.1 biljun, daqs kemm ħa niddejnu s-sena d-dieħla, u ma għandna l-ebda rendikont kif u fejn intefqu. Kollox isir bil-ħabi, kollox mistur, diffiċli wieħed ma jissuspettax li hemm xi ħaġa li mhix tagħmel sens. Nifhem li rridu nissussidjaw zidiet internazzjonali fil-prezz tal-elettriku li nixtru minn fuq l-interconnector,” qal id-deputat Nazzjonalista.

Hu kompla li għal 6 snin sħaħ l-interconnector ta elettriku bi prezz irħis ħafna, f’ċertu ħinijiet litteralment b’xejn, meta jkun hemm pajjiżi b’eċċess ta’ enerġija fuq il-grid li jkunu jrid jeħilsu minnha. Imma huwa impossibbli, li din in-nefqa kollha tista’ tiġi attribwita biss għal dan is-sors, sostan Mark Anthony Sammut, li kompla li kien niżżel, mis-suq Taljan, il-units kollha li mill-Italja għaddew lejn Malta, siegħa b’siegħa, għas-sena l-oħra u għal din is-sena u kien niżżel ukoll, siegħa b’siegħa, l-ispot price per unit fuq is-suq Ewropew.

Hu qal li m’għandux viżibilità ta’ costs oħra, u lanqas ta’ agreements li l-Enemalta seta’ kellha ma’ sorsi ta’ ġenerazzjoni għal prezzijiet fissi fit-tul li kienu jnaqqqsu dawn l-ispejjeż.

Hu qal li għamel like-with-like comparison ta’ sena ma’ oħra. Il-units li malta xtrat kull siegħa, immultiplikati bl-ispot prices ta’ dik is-siegħa. Minn dan il-kalkolu rriżulta li s-sena l-oħra nxtraw aktar minn 500k MWh, li qabel mal-istatistika li ħarġet l-NSO fis-6 ta’ Ottubru ta’ din is-sena, għal madwar €75 miljun. Din is-sena, sal-aħħar ta’ Ottubru, mill-interconnector inxtraw mal-580k MWh, li bl-istess kalkolu jiswew €193 miljun. €220 miljun sal-aħħar tas-sena, jekk ikunu estrapolati l-istess kalkolu. Dan ifisser żieda ta’ ftit inqas minn €150 miljun mis-sena l-oħra, fejn ma kienx hemm dawn is-sussidji fl-enerġija.

Dan ifisser li li hemm €472 miljun nefqa fuq sussidji fl-enerġija. Minn fejn jiġi dan l-ammont? Għalfejn il-Gvern ma jridx ikun trasparenti u jagħti breakdown tiegħu. Jekk hemm €150 miljun nefqa żejda fuq l-enerġija li ġejja mill-interconnector, kif jinqasmu t-€322 miljun l-oħra? staqsa d-deputat Nazzjonalista.

“Hemm parti tissussidja l-prezzijiet tal-ikel. Kemm? Hemm parti tissussidja l-fuels, petrol, diesel. Kemm? U hemm parti tissussidja l-profitti tal-entitajiet l-oħra privati li jiġġeneraw u jqassmu l-enerġija f’pajjiżna. U dik ukoll irridu nkunu nafu kemm hi. Kemm minn dawn it-€322 miljun qed jissussidjaw il-profitti tal-Electrogas?”, sostna Mark Anthony Sammut li staqsa kemm minn dawn il-miljuni qed jissussidjaw il-profitti tas-Shanghai Electric minn fuq il-BWSC (li irrappurtat li għamlet profitt ta’ €15 il miljun mill-impjant tal-BWSC anke fis-sena 2020 meta l-Enemalta għamlet telf) u kemm minn dawn il-miljuni qed jissussidjaw il-gass li nixtru mingħand is-Socar?

Hu staqsa wkoll emm minn dawn il-miljuni għadhom qed jissussidjaw l-korruzzjoni, il-€5,000 kuljum li sħabkom pjanaw li jieħdu minn fuq dahar il-Maltin mill-enerġija.

id-deputat Nazzjonalista qal li ma jistax ikun li l-enerġija tibqa’ settur mifni f’kultura ta’ dlam. “Ma nemmnukomx mingħajr ma turu costings, breakdown, b’mod trasparenti, ta’ kif qed jintefqu l-flus. U mhux biss għax diġa nqbadtu tigdbu f’dan is-settur aktar minn darba. Ma nemmnukomx, għax lanqas fejn tidħol l-iżjed statistika bażika ma nistgħu nemmnukom”, sostna Mark Anthony Sammut.

L-Enemalta, fi tmiem kull sena, hija obbligata bil-liġi, u b’direttivi Ewropej, li tippubblika u tinforma lill-konsumatur, bis-sorsi tal-enerġija li jikkomponu l-energy mix li hija tipprovdi, dik li magħrufa bħala l-Fuel Mix, kif ukoll is-CO2 emission factor li joħroġ minn din il-fuel mix. Ibbażat fuq is-sena ta’ qabel, qal id-deputat Nazzjonalista li kompla li dan ifisser li l-konsumatur ikun jaf, l-enerġija li tipprovdi l-enemalta, kemm minnha ġejja mir-renewables, kemm minnha ġejja mill-LNG, kemm minnha ġejja mid-diesel jew hfo, kemm mill-interconnector (u tal-interconnector, bl-istess mod, mil-liema sorsi ġejja). Ibbażat fuq din id-data, joħriġ is-CO2 emission factor, jgħid lil konsumatur allura kull unit ta’ dawl li jaħli, kemm qed jikkawża CO2, carbon dioxide, fl-atmosfera. Skont il-liġi, is-supplier tal-enerġija jrid jipprovdi lill-konsumatur b’din id-data tas-sena ta’ qabel.

Sa ftit ġimgħat ilu, l-Enemalta kienet għadha ppubblikat din id-data biss għas-sena 2019. Suppost in-nies kienu qed jirċievu din id-data tas-sena 2021, imma konna qegħdin sentejn b’lura.

Il-Ministru wieġbet li l-informazzjoni għas-sena 2020 diġà hija ppubblikata u fil-fatt tidher fuq il-websajt tal-Enemalta. Qalet ukoll li din jippubblikawha fl-aħħar kwart. Iġifieri jdumu xi 10 xhur jaħdmuha. Ħa nagħlqu sena, u għadhom ma ħarġuhiex tal-2021. Tara pajjiżi oħra tal-Ewropa, jippubblikawha sa xahrejn, tlieta, l-iktar erba’ wara li tagħlaq is-sena. Imma hawn tant aħna l-aqwa fl-ewropa li ndumu sena nikkalkulawha, qal id-deputat Nazzjonalista.

Hu qal li kien staqsa lill-Ministru tgħid meta ġiet pubblikata din tal-2020 u hi qalet biss “malli ċ-ċifri ġew verifikati u kkonfermati mir-REWS” Il-ministru tajjeb tibda iżżomm f’moħħha li min qed isaqsieha inzerta inġinier, u nzerta jaħdem fl-IT u jaf jagħmel website inspection. Iċ-ċifri tal-2020, ġew pubblikati fis-sit tal-Enemalta fit-30 ta’ Settembru, 09:12. Tliet ijiem wara li hu għamilt il-mistoqsija parlamentari.

Mal-informazzjoni tal-2020, għamlu wkoll kolonna juru l-informazzjoni tal-2019 u din din id-data tal-2019, bejn qabel ma għamilt il-pq u wara li għamilt il-pq, inbidlet. Jiġifieri din l-informazzjoni, mhux talli jdumu sena jikkalkulawha. Talli sentejn wara li jkunu ħarġuha, biddluha!, irrimakra d-deputat Nazzjonalista li kompla li l-iktar li nbiddlu kienet kemm qed inxtara LNG minn fuq l-interconnector u nbidel l-emission factor, li suppost qed jitnaqqas, imma jidher li qed jiżdied.

Għaliex dan it-tbagħbis fid-data? X’qed tippruvaw tkomplu taħbu erġajtu fejn tidħol l-enerġija? U jekk lanqas nistgħu nafdaw statistika li ddumu taħdmu 10 xhur, għax jgħaddu sentejn u terġgħu tibdluha, kif nistgħu nafdaw numru u ammonti li qed issemmu fuq sussidji mingħajr ma qatt urejtu workings tagħhom? Jista’ r-regolatur jgħid liema data ivverifika u kkonferma għall-2019? Id-data li qed tidher issa? Jew id-data li għamlet sentejn tidher pubblika?, staqsa d-deputat Nazzjonalista.

Bħala pajjiż Malta waqgħet lura ħafna meta kkumparat ma’ oħrajn. Skont l-aħħar statistika tal-NSO, 9.9% biss tal-enerġija tagħna ġejja minn sorsi rinovabbli. Għalfejn? Għax f’dan il-qasam, ħlejna dawn l-10 snin. Kien meta tela’ dan il-Gvern fl-2013, li l-proċess għal offshore wind farm twarrab, sostna Mark Anthony Sammut.

Kien dan il-Gvern li fin-National Renewable Action Plan li ppubblika fl-2015, warrab għal kollox l-idea tal-wind farms. Mhux parti iżjed mill-pjan qal. Għala? Għax fl-istess sena, għażel li minflok jixtri windfarm fil-Montenegro. Għala? Għax minn hemm setgħu jgħaddu kwazi €5 miljuni għal 17 Black ta Yorgen Fenech, biex minna johorgu l-€5,000 kuljum ta’ sħabkom, qal id-deputat Nazzjonalista.

Hu qal li kien il-PN li fil-pjan tiegħu għall-Enerġija reġa’ semma’ bħala pilastru ewlieni għal pjan għall-pajjiż l-investiment fi floating offshore renewables sas-sena 2030. Jeħtieġ li nkunu ħafna iżjed ambizzjużi. Mhux biss għandna nimxu biex nimplimentaw dan it-tip ta’ proġett, imma għandna nkunu iżjed ambizzjużi u nkunu leaders f’dan il-qasam, sostna Mark Anthony Sammut li kompla li kif tela’ fil-gvern l-Gvern Laburista waqqaf t-tendering process għal inceneratur. Issa se jagħmlu wieħed aktar minn 3 darbiet akbar! U sadattant se jgħollu l-miżbla tal-Magħtab b’5 sulari!, sostan d-deputat Nazzjonalista.

Dwar l-energy efficiency fuq livell Ewropew ukoll hemm numru ta’ miri f’dan il-qasam u ħafna pajjiżi qed jitfgħu aktar investiment biex proprju jżidu l-effiċjenza fl-enerġija, qal Mark Anthony Sammut, li kompla li l-gvern żamm biss l-iskemi li hemm eżistenti.

“Xejn ġdid; xejn innovattiv biex inħajru binjiet aktar sostenibbli, li jkollhom carbon footprint iżgħar għax ikunu disinjati biex jikkunsmaw inqas. Xejn biex inħajru bini b’materjali aktar sostenibbli. Xejn biex inħajru jew ninċentivaw il-familji u l-industrija jużaw appliances jew apparat iżjed effiċjenti. Agħar minn hekk. L-iskemi li kien hemm, ukoll naqqasnilhom il-fondi bin-nofs!”, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li fejn jidħlu l-iskemi ta’ appoġġ għall-effiċjenza tal-industrija l-gvern naqqas il-budget minn €1 miljun għal €400,000.

Dan filwaqt li fejn jidħlu l-iskemi ta’ water heaters, double glazing, roof insulation naqas il-budget minn miljun u nofs għal €800,000, fejn jidħlu l-iskemi tal-pannelli, naqqasna l-budget minn €5 miljuni għal €4 miljuni u l-iskema għal batteriji domestici, minn €800,000 għal €700,000. Żdied biss il-budget għall-pagi fil-Ministeru, li rduppjat min €5.5 milljuni din is-sena għal €10.2 milljun is-sena d-dieħla

Hu qal li wara li għal 8 snin, l-Gvern m’għamel xejn biex ikompli jżid maċ-charging points li kienu bdew jiġu installati qabel l-2013 issa jidher li fl-aħħar sentejn il-Gvern reġa’ stenbaħ u qed jimbotta ‘l quddiem l-elettrifikazzjoni tal-flotta tal-karozzi, biex ikun hemm iżjed karozzi elettriċi u allura inqas emissjonijiet, anqas tniġġiż u kwalità ta’ arja aktar nadifa.