Lokali

Rekord ta’ mwiet fit-toroq Maltin matul din is-sena

Sa nofs Novembru kellna 24 fatalità – l-ogħla rata kienet ta’ 22 fl-2016

Rekord ta’ mwiet fit-toroq ta’ pajjiżna.

Hija din ir-realtà li l-familji Maltin u Għawdxin qed jgħixu fiha, b’incidenti regolari jiddominaw l-aħbarijiet – jum wara l-ieħor.

Sa nofs Novembru ta’ din is-sena tilfu ħajjithom 24 persuna; familji sħaħ li raw lil qraba tagħhom maħtufa f’mewta mhux mistennija…b’żewġ terzi minnhom huma persuni li sfortunatament ġew mtajra minn vettura.

24 fatalità. L-ogħla rata ta’ mwiet b’mod assolut fl-aħħar 22 sena – konferma li waslet mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika meta Net News stqasa lill-istess uffiċċju għall-informazzjoni marbuta mal-inċidenti fit-toroq tagħna.

L-ogħla rata ta’ mwiet sa xahar ilu kienet is-sena 2016; bi 22 inċident fatali tat-traffiku.

Lura fl-2014, il-Gvern tal-Labour kien nieda strateġija li biha qal li kellu jnaqqas il-fatalitajiet fit-toroq Maltin bin-nofs.

Matul dik is-sena tilfu ħajjithom 10 persuni…..f’temp ta’ 9 snin inkissru żewġ rekords; li huma rekords li mhux ta’ min wieħed jiftaħar bihom, bir-rata ta’ mwiet tirdoppja u aktar. Falliment totali tar-Road Safety Strategy, bi kriżi liema bħalha fit-toroq taghna.

Mill-2014..s’issa, sfortunatament tilfu ħajjithom aktar minn 140 persuna f’inċidenti ta’ traffiku fatali.

U sal-lum, il-Ministru tat-toroq u t-traffiku Aaron Farrugia għadu mingħajr soluzzjoni dwar kif se jkun qiegħed, b’mod effettiv, irażżan dawn l-inċidenti.

F’10 snin taħt Gvern tal-Labour lill-pajjiż għadu ma offra ebda serħan il-moħħ li t-toroq Maltin u Għawdxin huma siguri għaċ-ċittadin…u dan, sfortunatament, qed jixhduh in-numri.

Matul il-jum tat-Tnejn f’indirizz fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia insista dwar il-fatt li fit-toroq Maltin qiegħed jirrenja l-kaos u kkwota saħansitra t-tħassib tal-President ta’ Malta George Vella li huwa wkoll jinsab imħasseb dwar din is-sitwazzjoni.