Lokali

Roderick Galdes jgħid li kieku hu mar għand il-Pulizija

“Jien stess immur għand il-Pulizija.”

Hekk sostna l-Ministru Roderick Galdes meta kien mistoqsi minn Net News x’jagħmel f’każ li persuna jew persuni javviċinawh u jgħidulu bl-aktar mod ċar li f’entità governattiva kien hemm allegat każ ta’ abbuż jew fastidju sesswali.

Mingħajr ma ħasibha darbtejn, Galdes saħaq li hu kien imur huwa stess għand il-Pulizija. Dan għad-differenza ta’ sieħbu u membru fil-Kabinett, il-Ministru għal Kultura Owen Bonnici li mhux talli dam jaħsibha, iżda kollox qiegħed jindika li kaxkar saqajh għal jiem sħaħ ….jaħbi u jostor każ serju ta’ allegat fastidju sesswali fi ħdan l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali. Dan wara li l-vittma kienet hi stess li marret tkellmu.

Fil-fatt, l-eks Ministru tal-Edukazzjoni u tal-Ġustizzja, Owen Bonnici sar jaf bil-każ lura fis-6 ta’ Settembru…meta impjegata fi ħdan l-Orkestra avviċinatu direttament dwar dak li kienet ilha għaddejja minnu 3 snin.

Madanakollu Bonnici stenna kważi 20 jum qabel ma’ ħatar bord ta’ inkjesta biex jinvestiga dan il-każ….mingħajr ma’ mar ikellem lill-Pulizija, wisq inqas jirrapportah b’mod uffiċjali.

Għad-differenza ta’ dak li qal Roderick Galdes.

Sal-lum, minkejja li b’rabta ma’ dan il-każ tressqu l-Qorti żewġ persuni b’wieħed jammetti l-aġir tiegħu…u l-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Nazzjonali, Sigmund Mifsud arrestat wara li kien akkużat li prova jostor il-provi – Owen Bonnici għadu jżomm sod mas-siġġu Ministerjali, bil-barka tal-Prim Ministru Robert Abela.

B’ebda indikazzjonijiet li se jġorr xi forma ta’ responsabbilità politika.