Lokali

Sit ġdid li joffri offerti għall-Black Friday

In-negozji Maltin għadhom qed jirkupraw mid-daqqa ta’ ħarta li esperjenzaw matul il-pandemija tal-Covid. U huwa għalhekk li l-Black Friday hu perjodu importanti ferm għalihom, biex jerġgħu jiġu fuq saqajhom.

Kien għalhekk li fl-aħħar jiem ġie mnedi sit ġdid mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji bl-isem ta’ blackfridaymalta.eu illi jagħti iktar viżibiltà għall-offerti li ġejjin minn Malta filwaqt li joffri lill-konsumatur iktar konvinjenza.

Dan is-sit joffri lill-konsumaturi li m’hemmx għalfejn jinqalgħu minn djarhom stess iżda jaraw x’hemm available u jew jixtru minn online jew minn fuq il-post.

“Il-Black Friday hu jum importanti ħafna,” qalet Abigail Agius Mamo. “Is-sena 2019 kienet l-aħjar sena li qatt kelna, li tlifniha kienet telfa kbira ħafna. Dis-sena importanti li l-Black Friday ikun l-aqwa Black Friday li qatt kelna.”

Il-Kap Ezekuttiv tal-Kamra tal-SMEs Abigail Agius Mamo spjegatilna illi dan ix-xahar hu importanti ferm għan-negozji Maltin.

“Naħseb li l-Black Friday ħa jkun qed jagħti boost lix-xahar ta’ Novembru li hu importanti għan-negozji,” qalet Abigail Agius Mamo.

Fil-maġġoranza tan-negozji Malti għażlu li jifirxu l-offerti fuq xahar sħiħ hekk kif, skont Agius Mamo, tagħmel iktar sens tqassmu fuq numru ta’ ġranet biex jagħtu l-aqwa servizz minflok esperjenza ta’ ġenn kbir. Viżibbiltà li jkun jaf meta hemm l-offerti u n-negozji jaqbdu bl-aħjar mod lill-klijenti.

Iżda għaliex wieħed għandu jagħżel ħwienet Maltin għall-Black Friday?

“Naħsbu li hemm konvenzjenza ħafna ikbar għall-konsumatur li jixtru minn Malta għaliex jekk trid tbiddel, wassallek illum, l-għada tista’ tbiddlu,” qalet Abigail Agius Mamo.

Din is-sena qed tkun meqjusa bħala waħda ta’ normalità. Għall-Black Friday hemm interess kbir miż-żewġ naħat jiġifieri kemm minn negozjat u anke mill-konsumatur. Huwa xahar ta’ qabel il-Milied u b’hekk kulħadd jibda jippjana minn qabel biex jieħu l-aktar possibli minn dan ix-xahar.