Lokali Qorti

18-il sena ħabs fuq serq aggravat bi vjolenza fuq persuni li jinkludu anzjani

Daniele Aquilina ta’ 29 sena resident Ta’Xbiex ġie kkundannat 18-il sena u xahrejn ħabs wara li nstab ħati fuq żewġ sentenzi mgħotija mill-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech. Is-sentenza huwa dwar serq minn fuq anzjani u f’okkażjoni minnhom bi vjolenza bil-Qorti tinnota wkoll il-fatt li l-kondotta tiegħu hija waħda ferm ikkulurita.

Fl-ewwel sentenza, Aquilina li għandu problema ta’ droga ġie kkundannat għal disa’ snin u tmien xhur ħabs wara li nstab ħati tal-akkużi kollha li nġiebu kontrih. Hu ġie kkundannat ukoll iħallas multa ta’ €233 kif ukoll €440 fi spejjeż tal-Qorti.

Fit-tieni sentenza, hu ġie kkundannat tmien snin u nofs ħabs wara li wkoll nstab ħati tal-akkużi kollha li nġiebu kontrih. Aquilina ġie kkundannat ukoll iħallas €778 fi spejjeż tal-Qorti. Aquilina nstab ħati ta’ 19-il-akkuża ta’ serq bi vjolenza fuq numru ta’ persuni fosthom koppja anzjana f’Ta’ Xbiex fit-30 ta’ Settembru 2020.

Instab ħati wkoll li żamm lill-vittmi tiegħu kontra l-volontà tagħhom, li kkaġunalhom ġrieħi ħfief u li kien iġorr arma li taqta’ u bil-ponta mingħajr permess tal-Kummissarju tal-Pulizija. Aquilina instab ħati wkoll li naqas li josserva l-kundizzjonijiet imposti fuqu meta ngħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest u li sar riċediv.

Fit-tieni sentenza, Aquilina wkoll nstab ħati ta’ serq bi vjolenza fuq numru ta’ persuni, li żammhom kontra l-volonta’ tagħhom, li kkaġunalhom ġrieħi ħfief, li ġarr arma li taqta’ mingħajr permess tal-Kummissarju tal-Pulizija kif ukoll li ffalsifika dokumenti u kkaġuna biża anke fil-konfront ta’ zijuh li kienet se tintuża vjolenza fuqu.

Fis-sentenzi tagħha, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ordnat ukoll il-konfiska ta’ €26,200 tal-garanziji li huwa kellu mpsoti fuqu mill-qorti biex iżomm mal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest skont digrieti tal-Maġistrati Nadine Lia, Rachel Montebello u Audrey Demicoli, mgħotija fit-22 ta’ Ġunju 2020, fit-28 ta’ Settembru 2020 u fis-26 ta’ Frar 2021 rispettivament. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin a favur l-14-il-vittma ta’ Aquilina.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha poġġiet lill-ħati taħt Ordni ta’ Trattament għal żmien tliet snin sabiex jingħata l-għajnuna meħtieġa sabiex jegħleb il-vizzju tad-droga. Aquilina appella mis-sentenza. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Colin Sheldon.