Nitkellmu mal-Ministru dwar il-proġett ta’ riċiklaġġ tal-fliexken
Il-Ministru u Membru fil-Kabinett ta’ Robert Abela, Roderick Galdes ammetta li l-iskema tar-riċiklaġġ tal-fliexken tax-xorb ma bdietx tajba mill-ewwel u li għal uħud se tkun sempliċiment taxxa żejda; taxxa ta’ 10 ċenteżmi fuq kull flixkun tax-xorb li jixtru.
Hija din ir-realtà li tkellem dwarha Roderick Galdes meta t-Tlieta waranofsinhar staqsejnih dwar x’soluzzjonijiet hemm għal dawk il-persuni li għandhom problema ta’ mobilità u ma jistgħux imorru jixħtu l-fliexken jew kontenituri tal-landa f’dawn il-magni apposta biex jieħdu l-vawċer ta’ 10 ċenteżmi.
Fil-kummenti tieghu, Galdes beda billi staqsa lil Net News għal liema skema konna qed nirreferu minkejja li l-iskema tal-BCRS għadha dieħla friska – u ġiet intordotta mill-Gvern li jifforma parti minnu hu stess.

Meta mistoqsi x’se jagħmlu dawk il-persuni li għandhom problema ta’ mobilità u ma jistgħux imorru huma jixħtu l-fliexken fil-magna, huwa stqarr li l-Ministeru responsabbli se jsib soluzzjoni għalihom.
Ammissjoni li turi kif minkejja li dan il-proġett ingħata bidu wara snin ta’ wegħdiet u stennija, f’dawn in-nies il-Gvern ma ħasibx.
Tant hu hekk li f’xi rħula kull ma hemm magna waħda fil-periferija…jew saħansitra assolutament xejn.
Intant, meta Galdes kien mistoqsi jekk għal xi wħud din hux se tkun sempliċi taxxa ta’ 10 ċenteżmi fuq kull flixkun (għaliex kull prodott irreġistrat f’dan il-proġett żdied b’għaxar ċenteżmi), il-Ministru saħaq li ħadd m’għandu jippretendi li l-programm jibda tajjeb mill-ewwel.
