Għandhom ikomplu d-diskussjonijiet dwar il-ħatra ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika
F’laqgħa li saret illejla, il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ddeċieda favur il-ħatra tal-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon bħala Ombudsman kif proposta mill-Prim Ministru.
Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista jistenna li nhar it-Tnejn il-Gvern iressaq mozzjoni li biha l-Parlament jirrisolvi li jitlob lill-President ta’ Malta biex, skont l-artikolu 3 tal-Att tal-1995 dwar l-Ombudsman, jaħtar lill-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon bħala Ombudsman.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ser ikun qiegħed jissekonda din il-mozzjoni bħala turija ta’ appoġġ u fiduċja fl-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon bħala Ombdusman. Il-Membri Parlamentari kollha tal-Partit Nazzjonalista ser ikunu qegħdin jivvutaw favur din il-mozzjoni li jrid ikollha mhux inqas minn żewġ terzi tal-membri kollha tal-Kamra tad-Deputati.
Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ddiskuta wkoll il-ħatra ta’ persuna fil-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika wara din il-kariga sfat vakanti bil-ħatra ta’ Dottor George M. Hyzler bħala membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista jesprimi d-diżappuntant tiegħu li l-Prim Ministru mhux dispost li jasal fi ftehim dwar persuna biex tinħatar mill-Parlament bħala Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Il-Prim Ministru ilu xhur jagħmilha diffiċli li jkun hemm diskussjonijiet bejn in-naħat taż-żewġ naħat tal-Kamra dwar ħatriet importanti bħal ma huma dawk tal-Ombudsman u tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Din is-sitwazzjoni qed twassal biex kwalunkwe każ li jitressaq quddiem il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ma jiġix investigat u ma jkun hemm l-ebda deċiżjoni dwaru.
Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Prim Ministru jkun lest li minnufih ikompli bid-diskussjonijiet dwar persuna li jkollha l-appoġġ taż-żewġ naħat tal-Kamra bħala Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
//= $special ?>