Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Il-missila li laqtet lill-Polonja ma kenitx dovuta għar-Russja, bl-investigazzjonijiet qed ikomplu

Il-President tal-Polonja, Andrzej Duda, qal li ma hemm l-ebda sinjal li l-missila li laqtet it-territorju ta’ pajjiżu matul il-lejl tat-Tlieta kienet parti minn attakk intenzjonat min-naħa tar-Russja.

Andrzej Duda tenna li hu ‘ferm probabbli’ li l-isplużjoni tal-missila kienet ikkaġunata mid-difiżi tal-ajru tal-Ukrajna, meta l-qawwiet Russi mill-ġdid qegħdin jattakkaw lill-ibliet Ukreni viċin il-fruntiera mal-Polonja.

Talanqas żewġ persuni mietu fil-lejl tat-Tlieta wara li l-partijiet ta’ missila laqtu razzett fil-lvant tal-Polonja u f’inħawi qrib ħafna tal-fruntiera mal-Ukrajna. Dan waqt mewġa ta’ attakki tar-Russi fuq id-diversi bnadi Ukreni.

Qabel l-istqarrija tal-President Pollakk, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Rishi Sunak, qal li pajjiżu u l-alleati kienu qed jippruvaw jiġbru kull dettall ta’ informazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi li swew f’telf tal-ħajja fil-Polonja bħala riżultat indirett tal-gwerra fl-Ukrajna.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, qal li ‘mhux probabbli’ li l-missila inkwistjoni li laqtet lill-Polonja kienet sparata mir-Russja.

U din ir-reazzjojni qanqlet tifħir rari min-naħa ta’ Moska, bil-kelliema fil-Kremlin ifissru l-kummenti ta’ Biden bħala ‘meqjusa u professjonali’.

Is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, waqt konferenza tal-aħbarijiet, qal li l-inċident fil-Polonja x’aktarx li kien dovut għall-attività tas-sistemi tad-difiża tal-Ukreni għal kontra l-attakki mill-ajru.

Hawnhekk, Stoltenberg enfasizza li ma hemm ‘l-ebda indikazzjoni ta’ xi attakk intenzjonat’ mir-Russja jew li Moska qed tħejji xi azzjoni militari kontra l-Ewropa u xi pajjiż tan-NATO.

Madankollu, fl-aħħar sigħat, baqgħu għaddejjin l-investigazzjonijiet fis-sit, fil-villaġġ ta’ Przewodów, fejn niżlet il-missila.

In-NATO mhix qed tqis l-inċident bħala ‘it-tort tal-Ukrajna’ għaliex dan il-pajjiż qiegħed jiddefendi ruħu kontinwament kontra l-attakki tar-Russja. Fl-istess ħin, l-Alleanza tal-Punent insistiet li r-Russja għandha ġġorr ‘ir-responsabbiltà sħiħa’ għal dak li ġarrbet il-Polonja minħabba l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tal-Kremlin.