Lokali Parlament

Il-PN jappoġġja kull investiment fl-isport

Roebrt Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal fil-parlament li l-PN jappoġġja kull investiment fl-isport.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar l-isport u qal li l-volontarjat għandu rwol importanti fis-soċjetà. Hu appella biex tinqata’ l-burokrazija minn fuq l-għaqdiet volontarji; liema sitwazzjoni qed tiswa ħafna flus.

Robert Cutajar qal li ċertu skemi ma jkunx hemm tagħrif biżżejjed dwarhom u sostna li Sport Malta għandha tagħmel programmi biex jersqu iktar lejn in-nies b’attvitajiet sportivi biex tikber iktar il-kultura sportiva.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-kunsilli lokali għandhom jorganizzaw iktar attivitajiet sportivi u staqsa jekk l-Awtorità għall-Integrità fl-Isport hix tiffunzjona kif suppost. Jeħtieġ iktar impenn f’din l-Awtorità, sostna Robert Cutajar.

Id-deputat Nazzjonalista qal li għandu jsir investiment fl-għalliema u kompla li l-futsal u r-rugby għandhom jingħataw l-appoġġ meħtieġ. Hu appella biex tkun solvuta l-problema tax-shooting range f’Ta Kandja u sostna li dan il-proġett kellu jkun wieħed ta’ kwalità.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-PN jappoġġja kull investiment fl-isport u sostna li l-faċilitajiet sportivi għandhom ikunu ta’ kwalità.

Robert Cutajar kompla li l-isport fil-pajjiż għandu jintuża biex titjieb il-kwalità tal-ħajja. Hu tkellem dwar għaqdiet volontarji u qal li l-investiment fil-faċilitajiet hu tajjeb iżda għandu jsir iktar investiment fir-riżors uman biex dawn jibqgħu għaddejjin jaħdmu fis-soċjetà. Jeħtieġ li l-għaqdiet sportivi jkunu jafu li hemm fondi tal-UE li permezz tagħhom jistgħu jsaħħu l-operat tagħhom.