Lokali Qorti

Il-vittma li miet wara argument ma’ sid ta’ bar fil-Qawra kien f’sakra li ma setax jieħu ħsieb tiegħu inniffsu

Ingliż li kien involut f’argument ta’ sid ta’ bar fil-Qawra u li spiċċa waqa’ fit-taraġ ta’ l-istess ħanut kien fi stat ta’ sokor li ma jarax art. Fil-fatt il-livell ta’ alkoħol fid-demm kien ta’ 224 li huwa ferm għoli li jfisser ukoll li persuna ma tistax tieħu ħsieb lilha nnifisha.

Dan ħareġ mix-xhieda ta’ l-espert tal-Qorti t-tabib Mario Scerri li xehed wara li d-difiża tat il-kunsens tagħha biex jixhdu fin-nuqqas tal-preżenza tal-akkużat David Busuttil ta’ 59 sena, sid il-Munchies Bar f’Buġibba, jinsab mixli bil-qtil ta’ Roger Dudley-Ward ta’ 60 sena, li miet wara li waqa’ fit-taraġ tal-bar wara argument mal-akkużat.

Busuttil li jinsab mixli wkoll li kkawża ferita gravi, li pprova jħassar il-provi u li kiser il-paċi pubblika deher għas-seduta iżda ftit tal-ħin qabel ma bdiet huwa ma bedhiex iħossu f’sikktu fiżikament tant li kellu jittieħed l-isptar Mater Dei f’ambullanza mill-awla 10 fejn qed jinstema’ l-każ tiegħu. Il-każ kien seħħ għall-ħabta tas-1.30am.

It-tabib Mario Scerri qal li huwa kien informat li fis-17 ta’ Ġunju li għadda seħħ inċident u għalhekk aċċeda lejn Mater Dei fejn sab lill-vittma f’kundizzjoni kritika fejn kellu diversi fratturi fir-ras u fil-wiċċ. Kien sofra minn ‘blunt trauma’ li tfisser trawma bil-forza ta’ xi ħaġa ċatta – Korrimenti li jirriżultaw minn impatt b’wiċċ jew oġġett sod.

Mistoqsi mill-Avukat Franco Debono, li flimkien mal-Avukat Marion Camilleri qed jidhru għal David Busuttil, jekk il-mewta setgħetx ġiet ikkawżata mill-waqa’, Dr. Scerri qal li mhux eskluż li l-vittma miet kaġun tal-waqa’.

Busuttil kien ingħata l-libertà proviżorja ħames t’ijiem wara li tressaq il-Qorti. Xehed ukoll l-espert Martin Bajada li għamel verifika tal-movimenti minn CCTV’s li huwa analiżża tal-ħanut u fil-madwar. Il-Prosekutur Abigail Caruana Vella dehret f’isem l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Ispettur Ryan Vella deher għall-prosekuzzjoni.