Futbol Sport

Il-futbol Franċiż f’luttu; imut ir-referee Johan Hamel

(Ritratt: EPA)

Ir-referee Franċiż Johan Hamel miet it-Tlieta filgħaxija wara li sofra minn puplesija waqt it-taħriġ

Hamel, uffiċjal tal-Ligue 1 fi Franza u tal-UEFA , kellu biss 42 sena. Huwa kkontrolla l-aħħar partita tiegħu fis-6 ta’ Novembru, fil-partita mill-kampjonat Franċiż bejn Lille u Rennes filwaqt li kien ir-raba’ uffiċjla fil-partita mill-UEFA Champions league bejn Real Madrid u Celtic f’Santiago Bernabeu fit-2 ta’ Novembru.

Bosta kienu l-messaġġi ta’ dispjaċir fuq il-midja soċjali fosthom miċ-champions Franċiżi Paris SG li taw il-kondoljazi lil familja tiegħu kif ukoll lill-komunità tar-referees Franċiża.

Hamel iddebutta fuq livell internazzjonali l-istaġun li għadda meta kien assenjat bħala r-raba’ uffiċjal fir-rebħa ta’ 4-1 li l-Irlanda ta’ fuq kisbu fuq il-Litwanja.

Is-SAFE, l-Elite Football Referees Union fi stqarrija qalet li tinsab f’luttu wara l-mewt tal-kollega u referee Johan Hamel filwaqt li bgħatet ukoll il-kondoljanzi lil familjari u l-qrabha tiegħu.