Lokali Parlament

Is-Sedja tiddikjara nuqqas mill-Ministru Farrugia; tiddikjara li l-Ministri jridu jkunu fil-Kamra jwieġbu l-mistoqsijiet

L-Ispeaker tal-parlament Anġlu Farrugia ddikjara f’ruling li l-Ministru tat-Transport Aaron Farrugia kien naqas meta fis-seduta ta’ nhar it-Tlieta kien fil-parlament iżda ma daħalx fil-Kamra biex iwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari tal-Oppożizzjoni dwar il-każ ta’ uffiċjali ta’ Transport Malta li sawtu sewwieq.

Ir-ruling ingħata wara talba mill-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar għall-fatt li, nhar it-Tlieta, il-Ministru Aaron Farrugia ma daħalx fil-Kamra biex iwieġeb mistoqsijiet parlamentari tal-Oppożizzjoni minkejja li dan kien fil-bini tal-parlament.

L-Ispeaker qal li fil-mument li kienu qed jitkellmu fil-parlament, il-Ministru Owen Bonnici u Whip tal-Gvern Andy Ellul ma kellhomx intenzjoni li jiżgwidaw lill-Kamra meta qalu li l-Ministru Farrugia kien fuq xogħol uffiċjali tal-Gvern.

L-Ispeaker qal li hu stabbilit fl-4.20 pm il-Ministru Farrugia kien fil-bini tal-parlament u spjega li jeżisti l-prinċipju ta’ responsabbiltà kollettiva fejn ministru jista’ anki jressaq liġijiet f’isem ministru ieħor.

Il-Gvern hu responsabbli kollettivament, sostna l-Ispeaker, li kompla li l-Ministru Owen Bonnici kellu d-dritt li jirrispondi f’isem il-Ministru Aaron Farrugia.

L-Ispeaker kompla li l-ministri huma responsabbli lejn il-parlament tad-dekasteru li jaqgħu taħthom u li l-ministri għandhom jagħtu l-informazzjoni korretta lill-parlament. Il-ministri għandhom ukoll ikunu miftuħa biex jagħtu l-informazzjoni.

L-Ispeaker kompla li l-Kodiċi ta’ Etika jispeċifikaw li meta jkun qed jiltaqa’ l-parlament hu d-dmir tal-ministri li jattendu u jipparteċipaw fid-diskussjonijiet, inkluż il-mistoqsijiet parlamentari. Hu sostna li l-ministri għandhom juru rispett lejn is-Sedja u lejn id-deputati kollha.

L-Ispeaker qal li l-ministri għandhom jaġixxu skond il-Kodiċi ta’ Etika.

F’dan il-każ, l-Oppożizzjoni insistet li l-Ministru Farrugia kien fil-parlament f’dak il-ħin u għalhekk kellu jwieġeb. Is-Sedja m’għandhiex il-poter li tordna li l-ministru jkun fil-Kamra iżda tħoss li għandha tiġbed l-attenzjoni ta’ kull ministru għal dak li hu mistenni minnu.

Hu qal li dan hu nuqqas u għalhekk is-Sedja qed tibgħat messaġġ ċar lil kull ministru li jkollux iwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari u tenfażizza l-importanza li l-ministri jkunu preżenti fil-Kamra, skont ir-responsabbiltà personali biex jaderixxi skont il-Kodiċi ta’ Etika.

L-Ispekaer kompla li s-Sedja għandha tkun ifnormata minn qabel dwar l-assenza tal-ministru u qal li l-ministri għandhom jimxi b’mod korrett.