Lokali Qorti

Jammetti reati marbuta ma’ serq ta’ €150,000 minn ħanut tad-deheb u serq ieħor

Raġel ammetta l-involviment tiegħu f’serq ta’ €150,000 minn ħanut tal-ġojjellerija l-ġimgħa li għaddiet kif ukoll sensiela ta’ serqiet ta’ karozzi u flus kontanti minn ‘vending machines’ tas-sigaretti. Vincent Cucciardi ta’ 45 sena minn Ħal Qormi ammetta mill-ewwel malli tressaq il-Qorti.

Sadaniitant żagħżugħ ta’ 17-il sena minn San Pawl il-Baħar, li kien allegat kompliċi wieġeb mhux ħati. Is-serqiet bdew f’Awwissu u komplew sal-aħħar waħda f’ħanut tal-ġojjellerija f’Ħ’Attard fl-10 ta’ Novembru. L-Ispettur Anzjan Joseph Mercieca spjega kif il-pulizija kienet innotat li nsterqu karozzi u pjanċi tan-numri u sussegwentement intużaw f’serq ieħor immirat għall-magni tal-bejgħ tas-sigaretti.

Is-serqiet seħħew f’Ħal Safi, Ħal Qormi, Birkirkara, San Gwann, Wied iż-Żurrieq, Marsascala, San Pawl il-Baħar, in-Naxxar u Ħ’Attard. Wara l-aħħar serqa fil-ġojjellerija ta’ Ħ’Attard, il-pulizija ħadmu fuq filmati tas-CCTV kemm ġewwa kif ukoll barra l-post.

Huma identifikaw il-vettura bħala Toyota misruqa mill-Qawra lejlet is-serqa. It-tnejn kienu marru l-Qawra b’Toyota Vitz ta’ Cucciardi u wara s-serqa, marru fid-dar tal-akkużat żagħżugħ f’San Pawl il-Baħar. Il-filmati wrew li ż-żagħżugħ iġorr borża blu partikolari.

Uċuħ is-suspettati dehru b’mod ċar fuq uħud mill-filmati eżaminati mill-investigaturi, spjega Mercieca. Taħt interrogazzjoni wara l-arrest tiegħu nhar it-Tnejn, Cucciardi kkopera u ammetta l-involviment tiegħu iżda ma kixifx lil sieħbu.

l-Pulizija fittxet ukoll f’garaxx fis-Swatar, użat minn missier iż-żagħżugħ, fejn sabu żewġ magni tas-sigaretti li kienu nfetħu b’mod sfurzat. Mistoqsija mill-avukat taż-żagħżugħ jekk kinitx biss il-borża blu li wasslet għall-arrest tiegħu, il-prosekuzzjoni qalet li kien hemm fatturi oħra, fosthom il-fatt li wara s-serqa ta’ Ħ’Attard it-tnejn kien mar id-dar tiegħu.

Wara li kkonsulta lill-avukat tiegħu, Cucciardi irreġistra ammissjoni li kkonferma wara li ngħata l-ħin biex jerġa’ jikkunsidraha u wara li l-Maġistrat Natasha Galea Sciberras wissietu li l-bosta akkużi kellhom sentenza ta’ ħabs. Il-Qorti laqgħet talba tad-difiża għal rapport ta’ qabel is-sentenza wara li semgħet li Cucciardi kellu problema ta’ droga u kellu bżonn jiġi mmonitorjat minn uffiċjal tal-probation.

“Hemm ukoll problema ta’ użura,” żied jgħid l-Ispettur Mercieca. Talba għal libertà proviżorja fir-rigward ta’ Cucciardi ġiet miċħuda. Ma ntalbet l-ebda libertà proviżorja fir-rigward tal-ko-akkużat l-ieħor. Fid-dawl tal-ammissjoni ta’ Cucciardi, il-prosekuzzjoni talbet is-separazzjoni tal-proċeduri, iżda l-avukat taż-żagħżugħ oġġezzjona.

Kien l-AĠ biss li seta’ jitlob proċess separat meta żewġ ko-akkużati ngħaqdu fl-istess akkuża u f’dan il-każ, dan ma sarx, sostna l-avukat Matthew Xuereb. Wara li ssospendiet momentarjament is-seduta, il-Qorti ddikjarat li dik id-dispożizzjoni kienet tapplika għall-proċeduri quddiem il-qrati superjuri u li kienet id-diskrezzjoni tal-prosekuzzjoni li titlob proċess separat.

Dik it-talba ġiet milqugħa. It-tnejn inżammu taħt arrest preventiv, Cucciardi sakemm tingħata s-sentenza u l-minuri biex jiffaċċja proċeduri. L-Ispetturi Joseph Mercieca u Christina Delia mexxew il-prosekuzzjoni wara li kienu huma li ħadmu fuq il-każ.