Internazzjonali

L-Afganistan: It-Taliban jirritornaw għall-istil brutali li magħrufin għalih

L-Afganistan qed jirritorna għall-istess stil ta’ amministrazzjoni riġida u brutali li karatterizza l-ewwel era tat-Taliban matul is-snin disgħin…Era magħrufa bħala ‘iż-żmenijiet tad-dlam’.

U ftit aktar minn sena wara li t-Talibani bdew era ta’ tmexxija ġdida wara l-irtirar tat-truppi barranin mill-Afganistan, il-Kap Ewlieni tal-militanti Iżlamiċi, Haibatullah Akhundzada, issa ħareġ direttivi biex l-Imħallfin Afgani jimponu l-pieni għal ċerti reati li jistgħu jinkludu l-qtugħ tal-idejn u r-riġlejn tal-imputati.

Piena primittiva oħra li qed tkun introdotta tinvolvi t-tħaġġir (stoning) tal-imputati għal reati li jissarrfu f’pieni ħafna anqas ħorox f’soċjetà aktar ċivilizzata.

Intant, il-kelliema għat-Talibani qed  jinsistu li l-pieni ħorox li qed ikunu introdotti japplikaw ‘l-aktar’ għal każi ta’ serq, ħtif tan-nies u allegati kampanji kontra t-Tmexxija Iżlamika f’Kabul. Huma komplew li l-pieni huma ‘sinonimi’ mal-interpretazzjoni tal-liġi ( Iżlamika) ta’ Sharia min-naħa tat-Taliban.

Meta t-Talibani kienu ħadu l-poter fl-Afganistan għall-ewwel darba, kmieni fid-disgħinijiet, huma qanqlu l-kundanna internazzjonali minħabba l-pieni brutali li bdew jingħataw lil kull Afgan li seta’ jikser il-liġi u fejn anki kienu jispikkaw l-esekuzzjonijiet tan-nies fil-pubbliku.

U issa t-Taliban qed jidher li mar lura minn kelmtu wara li, is-sena l-oħra, wiegħed amministrazzjoni aktar moderata minn ta’ qabilha .

L-amministrazzjoni preċedenti ta’ żmien Mullah Mohammed Omar kienet spiċċat meta l-qawwiet tal-Istati Uniti invadew l-Afganistan fl-aħħar xhur tal-2001.