Lokali Parlament

L-Electrogas ma jippreżentawx minuti sodisfaċenti quddiem il-PAC; “tinsteraq informazzjoni”

Il-kumpanija Electrogas ma ppreżentax b’mod sodisfaċenti lill-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) minuti ta’ diversi laqgħat tal-Bord tad-Diretturi li saru b’relazzjoni mal-kuntratt tal-power station.

Dan irriżulta f’laqgħa oħra tal-PAC li fiha xehed Ray Fenech, direttur tal-kumpanija Electrogas. Fix-xhieda tiegħu Fenech qal li kien hemm ukoll serq ta’ informazzjoni li dwarha qed issir investigazzjoni mill-pulizija.

Id-deputat Nazzjonalista u Chairman ta-PAC Darren Carabott qal li mhux kuntent bil-mod kif kienu ppreżentati l-minuti ta’ laqgħat tal-Bord tad-Diretturi tal-Electrogas minħabba li dawn lanqas kienu iffirmati oriġinarjament, kienu bla attachmentsu kien hemm ammont ta’ minuti li kienu neqsin.

Kien hemm ukoll partijiet minnhom dwar negozjati u affarijiet konnessjonijiet ma’ awtoritajiet pubbliċi ċensurati, sostna Darren Carabott, li qal li ma jafx għaliex dawn il-partijiet kienu ċensurati. Id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li dawn il-punti issa jridu jkunu ċċarati sal-laqgħa tal-PAC tal-14 ta’ Diċembru 2022.

Ray Fenech, direttur tal-Electrogas, qal li d-diretturi tal-Electrogas se jiltaqgħu fit-30 ta’ Novembru 2022 u sostna li hu m’għandux aċċess u pussess fuq dawk il-minuti. Hu qal li hu kien li ċċensura l-minuti flimkien ma’ uffiċjali oħra iżda “ħadd ma tani pariri x’għandi nneħħi”.

Fuq mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Rebekah Borg, id-direttur Ray Fenech qal li kien iċċensura l-minuti minħabba xi ismijiet li kien fihom, propju minħabba r-regoli tal-protezzjoni tad-data flimkien ma’ affarijiet sensittivi.

Ray Fenech qal li għandu jkun is-Segretarju tal-kumpanija li għandu jiġi quddiem il-kumitat u jippreżenta l-minuti u jitkellem dwarhom għaliex hu ma jafx x’inhi s-sustanza tal-istess minuti.

Id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li hekk kif Ray Fenech kien awtorizzat li jiċċensura l-minuti, allura kellu jkun hu wkoll il-bniedem li jġib l-istess minuti.

Għal mistoqsijiet tad-deputat Nazzjonalista David Agius, Ray Fenech qal li kien hemm anki data li insterqet u li dwarha qed issir investigazzjoni; “jekk din qed issir”. Hu qal li l-kumpanija marret għand il-pulizija dwar dan is-serq iżda hu qatt ma tkellem mal-Kummissarju tal-Pulizija dwar dan.

Il-PAC aġġorna għat-22 ta’ Novembru 2022.