Għal darba oħra, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jinjora kompletament il-bżonnijiet tal-Għawdxin hekk kif irrifjuta li jitrasferixxi infermieri Għawdxin għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Dan ħareġ f’tilwima li l-MUMN irreġistrat kontra l-Gvern hekk kif Steward Healthcare se jkollha ġġib ħaddiema barranin minħabba n-nuqqas kbir ta’ infermieri fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Jidher li din il-kumpanija talbet għal trasferiment ta’ ħames infermieri għas-servizzi essenzjali tal-isptar.
L-MUMN qal illi din it-talba saret diversi drabi minn Steward Healthcare iżda qatt ma ġiet aċċettata minn naħa tal-Gvern u għalhekk din il-kumpanija se jkollha ġġib ħaddiema ta’ nazzjonalita barranija.
L-MUMN qed isostni li l-Ministeru tas-saħħa qed imur kontra l-qbil li għandu sabiex infermieri Għawdxin jingħataw dritt li jiġu trasferiti fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Dan qed juri biċ-ċar li l-Gvern Laburista qed jinjora d-dritt bażiku li dawn jaħdmu fl-istess post li jgħixu fih.
Il-union qed tisħaq li l-wegħdiet kollha li għamel il-Gvern waqt il-kampanja elettorali kienu kollha fażulli, hekk kif s’issa l-Għawdxin ma ngħataw l-ebda prijorita’.
Intant, l-istess unions qalet illi jekk jinġiebu dawn il-ħaddiema barranin għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex l-MUMN se tieħu l-azzjoni meħtieġa fl-interess tal-infermieri Għawdxin li bħalissa qed jaħdmu Malta.
//= $special ?>