Internazzjonali

L-Istati Uniti: Trump jikkonferma t-tielet tentattiv għall-White House

L-eks President Amerikan Donald Trump ikkonferma t-tielet tentattiv għall-Whitehouse fejn, fost il-kritika għall-President attwali Joe Biden, iddikjara li d-deċiżjoni tiegħu se tippermetti r-ritorn tal-Istati Uniti bħala potenza formidabbli.

Waqt diskors li għamel fi Florida, Trump ħeġġeġ biex il-poplu Amerikan isalva pajjiżu fost il-kummenti spissi li  l-Istati Uniti qatgħet lura sew taħt Biden. Trump saħaq li, fl-aħħar sentejn, miljuni ta’ Amerikani sofrew ħafna diffikultajiet u mumenti ansjużi u li huma jeħtieġu jaqilbu l-folja biex jaċċertaw minn futur aktar pożittiv.

Madankollu, xi membri influwenti fil-Partit Repubblikan qegħdin iwaħħlu fi Trump għall-wirja fqira tal-partit fl-elezzjonijiet tal-midterm li saru l-ġimgħa l-oħra fl-Istati Uniti. Dan meta numru ta’ kandidati li kienu appoġġjati minn Trump spiċċaw jitilfu fil-konfront tar-rivali Demokratiċi f’numru ta’ Stati.

Min-naħa tiegħu, il-President Demokratiku Joe Biden, li sentejn ilu kien għeleb lil Trump fit-tellieqa għall-White House, qal li anki hu jista’ jikkuntesta mill-ġdid għall-Presidenza fl-2024.