Lokali Qorti

Malti mhux ħati f’Qorti Taljana li ttraffika 10 tunnellati cannabis

Paul Attard, il-Malti ta’ 43 sena ġie illiberat minn akkużi ta’ traffikar ta’ droga cannabis f’qorti Taljana ġewwa Sqallija. Attard, li jaħdem fl-industrija tat-tbaħħir, kien qed jiġi mfittex fl-Italja wara li kien qed jiġi akkużat li kien involut f’attivitajiet illegali ta’ traffikar. Huwa kien arrestat fit-2 ta’ Mejju, tal-2019 li għadda wara li nħareġ mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront tiegħu.

It-tim legali tiegħu Malti mmexxi mill-Avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi u Josè Herrera issa qed jargumentaw biex il-Mandat ta’ Arrest Ewropew jitneħħa għal kollox. Sadanittant l-Avukat ta’ Attard l-Erbgħa stess ippreżentaw rikors fil-Qorti biex il-kundizzjonijiet kollha li kien ġew imponuti fuqu mill-Qorti Maltija jaqgħu invista tal-fatt li issa huwa bniedem ħieles.

Huwa kien ġie estradit lejn l-Italja biex jiffaċċja l-akkużi quddiem qorti f’Katanja fejn nhar it-Tlieta, huwa ġie lliberat wara li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova li kien sid il-bastiment bl-isem ta’ Quest . Attard kien akkużat li kien involut fi ftehim biex jittraffika 10 tunnellati ta’ ħaxixa misjuba abbord bastiment tas-sajd, The Quest.

Madankollu, huwa argumenta b’suċċess li għalkemm il-bastiment intuża mill-kumpanija tal-vapuri tiegħu, fil-fatt ma kienx. Sostna wkoll li peress li t-tfittxija tal-bastiment saret f’baħar miftuħ, l-awtoritajiet Taljani ma kellhom ebda ġurisdizzjoni fuq il-kwistjoni.

L-inċident imur għall-2018 meta l-bastiment ġie interċettat mill-awtoritajiet Taljani f’ibħra internazzjonali bejn Malta u l-Alġerija, li kien qed iġorr tagħbija ta’ droga li allegatament instabet ġewwa fil-cold room tal-bastiment. Ftit taż-żmien qabel ma nqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet diġa’ tefgħet dawl fuq kutrabandu li kien qed isir fil-Mediterran b’rabtiet ma’ Malta.

Fl-2018 rapport mill-imsieħba tal-Proġett Daphne La Repubblica kien żvela dwar kif il-Guardia di Finanza tal-Italja kienet indikat lil Malta bħala fiċ-ċentru tal-kuntrabandu illeċitu madwar il-Mediterran. Ir-rapport kien ibbażat fuq dokumenti u intelliġenza tal-pulizija Taljana, li ddokumentaw qabdiet kbar ta’ kuntrabandu fl-aħħar 10 snin immexxija minn ċittadini Maltin u li saru ftit ‘il barra mix-xtut ta’ Malta appoġġjati minn tarznari Maltin li jservu bastimenti użati fil-kriminalità marittima internazzjonali.

Fl-inħawi tal-Port il-Kbir, f’moll partikolari kien qed jiġi deskritt bħala ċ-ċentru ta’ attivitajiet ta’ traffikar illegali fil-Mediterran, mifruxa l-aktar bejn il-Marokk sa Ċipru. Sadanittant fil-Qrati Maltin kienet saret battalji sħiħa għall-estradizzjoni tiegħu.

Sena wara li Attard kien arrestat, qorti tal-maġistrat f’Malta ċaħdet talba biex jiġi estradit lejn l-Italja f’saga li damet sejra mhux ħażin. F’Settembru tal-2021 inħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew ġdid u għal darb’oħra reġa’ ġie miċħud minn Qorti oħra.

Wara iżda sar appell mill-Avukat Ġenerali l-każ intbagħat lura quddiem Maġistrat ieħor , li ta l-dawl aħdar għall-estradizzjoni ta’ Attard lejn l-Italja. Dik id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata f’appell f’Diċembru 2021, u wasslet lill-avukati ta’ Attard biex jippreżentaw żewġ kawżi kostituzzjonali separati li kkontestaw is-sentenza, iżda aktar tars spiċċa estradit. Fl-Italja, kien rappreżentat mill-Avukat Michele Sbezzi.