Lokali Qorti

Probation għal żagħżugħ li kien kompliċi f’hold-up

Żagħżugħ ta’ 20 sena tpoġġa taħt probation wara li ammetta li kien kompliċi f’hold-up li sar fuq il-ħanut tal-Epic f’Ħaż-Żebbuġ. Aidan Fenech ammetta li flimkien ma’ żewġ persuni oħra kien involut fil-hold-up li seħħ fit-3 ta’ Novembru li għadda. Huwa ammetta wkoll li żamm ħaddiema fil-ħanut kontra l-volontà tagħhom u li ġarr arma li taqta’.

Fenech wieġeb ukoll ħati li fl-24 ta’ Ottubru li għadda seraq mobile phones mill-istess ħanut. Iż-żagħżugħ ammetta wkoll li seraq pjanċi tar-reġistrazzjoni minn karozza f’Ta’ Qali u li kiser sentenzi tal-Qorti. Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat Gabriella Vella qieset il-fatt li ż-żagħżugħ għandu l-vizzju tad-droga.

Il_Qorti tal-Maġistrati poġġietu taħt ordni ta’ probation għal 3 snin u ordnatlu jsegwi trattament kontra l-vizzju. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Roderick Agius.