Il-Prim Ministru tant jinsab daru mal-ħajt li jew wasal fl-estremità li jiżgwida lill-ġurnalisti jew tant mhux ilaħħaq mal-iskandli li ħerġin, li ma jafx x’inhu jiġri madwaru.
L-Erbgħa waranofsinhar Net News staqsa lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex jagħti raġuni valida waħda għaliex jaħseb li l-Ministru Owen Bonnici m’avviċinax lill-Pulizija minnufih wara li impjegata tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali qaltlu li kienet ilha tiġi ffastidjata għal xhur shah.
Iżda minnufih, Robert Abela ħareġ għonqu għal Bonnici.
Fil-Qorti issemma’ kif il-vittma ta’ fastidju sesswali appellat kemm-il darba lill-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Sigmund Mifsud biex jintervjeni minħabba dak li kien qed jiġri…b’Mifsud jgħidilha li qed taġġibhom u teżaġera.
Hija avviċinat ukoll lill-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici, b’dan tal-aħħar ma jagħmel assolutament xejn għal 20 jum qabel mal-vittma spiċċat sfurzata tirreżenja mill-impjieg taħgha li tant kienet tħobb bil-għan li tissalvagwardja saħħitha.
Mistoqsi għalfejn il-Ministru Bonnici kaxkxar saqajh f’dan il-każ u kif l-istituzzjonijiet spiċċaw iħarsu wiċċhom in-naħa l-oħra għal żmien twil ma’ din il-persuna…Robert Abela sostna li preżentament hemm nies f’ċella b’rabta mal-każ.
U hawn fejn il-Prim Ministru żbalja meta b’konvinzjoni saħaq li preżentament hemm xi ħadd il-ħabs b’rabta ma’ dan il-każ …għaliex il-fatti huma mod ieħor; ir-raġel li wettaq il-fastidju sesswali ingħata sentenza sospiża…filwaqt li Sigmund Mifsud, il-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra…qiegħed barra bi pleġġ.
Dan ifisser li Abela jew m’għandux idea x’inhu jiġri…jew prova jinganna bil-poplu. Għaliex fil-ħabs mhemm ħadd.
Net News staqsa lill-uħud mill-membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela x’kienu jagħmlu f’każ simili…bil-Ministru Roderick Galdes u s-Segretarju Parlamentari Chris Bonnett it-tnejn jisħqu li kienu jmorru għand il-Pulizija jew jitolbu investigazzjoni immedjata.
U meta Net News staqsa lill-Prim Ministru min se jkun qiegħed jerfa’ responsabbiltà politika għal dak li seħħ fl-Orkestra……huwa saħaq li jinsab sodisfatt bid-deċiżjonijiet li ħa Owen Bonnici.