Bla dubju li l-Korea t’Isfel se jkunu qed jittamaw li l-istilla tagħhom u ta’ Tottenham Hotspur Son Heung-min jirkupra mill-injury li għandu f’wiċċu biex ikun jista jilgħab fit-Tazza tad-Dinja. Son weġġa fil-bidu ta’ dan ix-xahar f’partita tal-UEFA Champions League kontra Marseille u kellu jiġi mibdul wara biss nofs siegħa logħob.
Minn dak inhar ‘l hawn kien hemm tħassib jekk il-midfielder avvanzat hux se jagħmilha fil-ħin biex jilgħab fit-Tazza tad-Dinja għalkemm xorta waħda kien inkluż fl-iskwadra tal-Korea t’Isfel.
Mal-wasla tiegħu fl-ajruport ta’ Doha, Son kien mistoqsi dwar il-kundizzjoni tiegħu u qal li se jkun qed jagħmel dak kollu possibli biex jilgħab fit-Tazza tad-Dinja u li l-kundizzjoni tiegħu qed tkun evalwata kuljum. Huwa qal li, flimkien ma’ sħabu jixtieq li jkollu esperjenza li jibqa jiftakarha.
Waqt l-ewwel sessjoni ta’ taħriġ f’Al Egla, Son deher liebes maskra biex tipproteġilu wiċċu bil-probabiltà tkun li jekk jirnexxilu jkun fil-pitch fil-logħbiet ta’ Grupp H jkun qed jilgħab biha ma’ wiċċu.
Il-Korea t’Isfel jiftħu l-impenji tagħhom fi Grupp H il-Ħamis 24 ta’ Novembru kontra l-Urugway.
