Lokali

“Settur li ssawwar minn gvernijiet tal-PN” – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista dejjem kellu viżjoni fit-tul, u s-settur tal-gaming huwa xempju ta’ dan, għaliex il-Partit Nazzjonalista kien dak li ħoloq dan is-settur.

Hekk tenna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara li wettaq fil-fiera mtella’ minn SIGMA, fl-MFCC f’Ta’ Qali.

“Sodisfazzjon kbir li niġi attività bħal din li jiġu f’Malta u jgħinu bosta setturi, fejn joqogħdu, fejn jieklu, biex jivvjaġaw u Malta qed tgawdi ferm minn dan is-settur tal-Gaming, settur li ħolqu l-PN”.

Bernard Grech qal li l-PN wera din il-viżjoni anki fl-aħħar xhur, fejn propona li jinħolqu 10 setturi ekonomiċi ġodda.

Il-futur nemmnu li jista’ jkun illum, il-futur ma jistenniex, pajjiżi oħra li bdew warajna, jinsabu bħalna jew aħjar minna, jien nemmen li jekk nibqgħu naħdmu, u mhux biss noħolmu, iżda naħdmu biex ir-reputazzjoni tagħna bħala pajjiż tittejjeb, dan il-pajjiż permezz ta’ dan is-settur u oħrajn, Malta u Għawdex jistgħu jimxu aktar u aktar ‘il quddiem.”

Il-fiera ta’ SIGMA għandha għaddejja sal-Ġimgħa li ġej. Fiha qed jipparteċipaw ‘il fuq minn 25,000 persuna, bil-konferenza rat għadd ta’ kelliema internazzjoni tal-ogħla livell u serviet biex is-settur jissaħħaħ permezz ta’ networking bejn kumpaniji li jinsabu Malta u anki lil hinn.

Fost il-personalitajiet li l-Kap tal-PN iltaqa’ magħhom kien hemm l-eks stilla tal-futbol Roberto Carlos.

Flimkien ma’ Bernard Grech ghal din iz-zjara kien hemm id-deputati Ivan J. Bartolo, Jerome Caruana Cilia u Bernice Bonello.