Il-fatti li qed joħorġu mill-Qorti huma xokkanti. Huma fatti li juru kif l-eks kandidat Laburista Sigmund Mifsud kien ilu minn Ottubru tas-sena l-oħra jaf bl-avvanzi li kienu qed isiru fil-konfront ta’ impjegata tiegħu. Iżda xorta, skont il-vittma, baqa’ ma għamel xejn.
Anzi, lill-vittma kien qalilha biex tħassar il-messaġġi kollha li kienet irċiviet fuq Whatsapp, u kien qalilha ukoll li qed tesaġera.
Dan kollu ħareġ hekk kif ilbieraħ fil-Qorti xehdet il-vittma, meta bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Sigmund Mifsud illi huwa akkużat li prova jaħbi dan il-każ.
Sigmund Mifsud kien jgħid lil din l-impjegata li hi sensittiva, għalkemm ħareġ ċar mix-xhieda tal-vittma li hi marret aktar minn darba tirrapporta dak li kien għaddej fl-Orkestra Nazzjonali.
It-tfajla, wara Ottubru 2021, kienet reġgħet kellmet lil Mifsud f’Jannar ta’ din is-sena. Filwaqt li xahrejn wara, meta ġew lura minn tour f’Dubaj, ukoll reġgħet ġibditlu l-attenzjoni fuq l-avvanzi li kienu qed isiru fil-konfront tagħha.
Meta iddeskriviet fil-Qorti dan il-fastidju sesswali, it-tfajla semmiet kif hi kienet tiġi esposta għal messaġġi espliċiti fuq il-mobile tagħha, u meta kienet tmur għax-xogħol ir-raġel li nstab ħati f’dan il-każ li jaqbadha b’mod abbużiv u saħansitra jipprova ineħħilha l-flokk biex jikxfilha sidirha. Dan apparti l-ħafna videos u messaġġi li kien jibgħat fuq Whatsapp.
Il-vittma kienet ilha x-xhur tissaporti dan kollu, u wara li Mifsud baqa’ ma għamel xejn, hi kellha tmur sa fuq nett – għand il-Ministru Owen Bonnici.
Fil-Qorti, it-tfajla irrakkuntat kif darba minnhom qalet lil Sigmund Mifsud – “int x’kont tagħmel kieku kienet bintek?” U f’dan il-punt, is-CEO tal-Orkestra kien irrabja ferm, u qalilha biex ma ssemmix il-familja.
Il-każ se jkompli jinstema’ fil-jiem li ġejjin.
Għalissa, Sigmund Mifsud jinsab sospiż mill-Orkestra b’nofs paga. Iżda għadu qed iżomm l-impjieg.
Il-Ministru minn naħa tiegħu għadu fl-ebda ħin ma refa’ responsabbiltà politika għal dak kollu li seħħ.
