Turist Taljan li kien ġie estradit lejn l-Iskozja weħel il-ħabs wara li nstab ħati li kkaġuna l-mewt ta’ ħames persuni, inkluż Maltija u ibnu f’inċident tat-traffiku orribbli. Alfredo Ciociola kien qed isuq minibus Fiat meta ħabat ma’ Nissan SUV fuq in-naħa l-ħażina tat-triq fil-junction ta’ Drummuir fuq l-A96 qrib Keith f’Morayshire.
Ibnu Lorenzo, ta’ erba’ snin kien tilef ħajtu flimkien mal-passiġġiera li kienet riekba fuq wara fil-vettura tiegħu l-Maltija Frances Saliba ta’ 63 sena (it-tielet mix-xellug). Żewġha Francesco Patane kien weġġa’ gravi flimkien ma’ mart Ciociola, Concetta, li kienet ukoll fuq wara ma’ wliedha.
Ibnu ż-żgħir Frederico, li dak iż-żmien kellu tliet snin, irnexxielu jeħlisha bi ġrieħi ħfief. Is-sewwieq tal-karozza l-oħra Morag Smith ta’ 44 sena wkoll weġġgħet gravi u t-tliet passiġġieri tagħha Edward Reid, magħruf bħala Ted ta’ 63 sena, Evalyn Collie ta’ 69 sena u Audrey Appleby ta’ 70 sena, mietu wara l-ħabta hekk kif kienu sejrin lura d-dar minn sessjoni ta’ żfin f’Elgin, f’Moray.
Ciociola ta’ 50 sena, uffiċjal mal-gwardja tal-Kosta Taljana, li wkoll weġġa’, kien ċaħad li kkawża l-imwiet billi saq b’mod perikoluż fuq l-A96 fis-26 ta’ Lulju tal-2018. Ġurija kkundannatu għar-reat u li kkawża l-imwiet b’sewqan traskurat u ċaħdet l-allegazzjonijiet li kien raqad waqt is-sewqan.
Ciociola instab ħati li kien naqA milli Jagħti attenzjoni xierqa lit-triq ta’ quddiem u saq fil-karreġġjata opposta qabel il-ħabta. Imħallef qallu fil-High Court TA’ Edinburgh: “Int instabt ħati ta’ akkuża serja, li tinvolvi l-mewt ta’ ħames persuni, inkluż ibnek stess, u l-ferita gravi ta’ tliet persuni. Hija kwistjoni serja ħafna.”
Lord Mulholland qal lill-ġurati li kien każ “ansjuż ħafna” b’konsegwenzi traġiċi għal numru ta’ nies. Huwa ordna li Ciociola biex jinżamm arrestat sat-tħejjija ta’ rapport qabel tingħata s-sentenza x-xahar id-dieħel. Il-Qorti semgħet li Ciociola, minn Siracusa, fi Sqallija, ingħata il-libertà proviżorja minn qorti Skoċċiża fl-2019 iżda naqas milli jidher għal ġuri s-sena li għaddiet.
Il-Qorti fi Sqallija kienet tat struzzjonijiet għall-estradizzjoni tiegħu lejn l-Iskozja u minkejja appell kontra dik id-deċiżjoni r-ritorn tiegħu ġie ordnat minn qorti suprema fil-gżira Taljana. Matul il-ġuri tiegħu Ciociola sostna li kien straħ sew hekk kif aġixxa bħala l-uniku sewwieq għall-grupp ta’ viżitaturi hekk kif ivvjaġġaw lejn it-tramuntana minn Edinburgh għal Inverness, fejn ġew ibbukkjaw u raqdu għal-lejl fi Stonehaven, fejn kellhom ippjanat tour ta’ ‘sightseeing’ madwar l-Iskozja.
Qal li hu u martu, li kellhom iben ieħor fil-ħabta, kienu ppjanaw li jiksbu car seats għaż-żewġ subien f’Inverness wara li naqsu milli jakkwistawhom f’Edinburgh. Ciociola qal li ma kienx jaf jekk kulħadd fil-vettura kellux iċ-ċinturini tas-sigurtà meta telaq minn Stonehaven fl-aħħar parti tal-vjaġġ.
L-investigaturi tal-ħabta sabu li dawk li kienu fuq wara tal-minibus ma kellhomx iċ-ċinturini tas-sigurtà mqabbda. Huwa qal lill-High Court f’Edinburgh: “Soqna għal sagħtejn, striħajna għal sagħtejn u għamilna l-istess tul il-vjaġġ, għalhekk ma kontx għajjien.” Qal li ma kien jaf xejn dwar l-A96 iżda kien sorpriż biha u sab li kienet triq “perikoluża ħafna”.
Ciociola qal fil-ġuri, permezz ta’ interpretu, “Ippruvajt inkun kawt kemm stajt. Ippruvajt noqgħod attent għal dak kollu ta’ madwari kemm stajt.” Qal li hekk kif kienu qed joqorbu lejn il-ħabta ġie fuq liwja ftit qabel nofsillejl u kien staqsa lil martu, li kienet fuq wara mat-tfal, jekk wieħed minn uliedhom kienx rieqed.
Ciociola qal li ma weġbitux u hu ħares fil-mera ta’ wara, iżda ma seta’ jara xejn: “Kont rajt il-karozza l-oħra u kienet eżatt quddiemi meta daret il-liwja.” Qal li l-headlights kienu “qawwijin ħafna” u sar diżorjentat. Żied jgħid: “Kont ċert, kont konvint li konna fuq l-istess linja u istintivament mort lejn il-lemin.”
Ciociola qal li kellu esperjenza preċedenti limitata ħafna tas-sewqan fl-Iskozja. Huwa qal lill-Qorti: “Ilni aktar minn 30 sena nsuq fuq il-lemin. Mhux faċli ħafna li tidra ssuq fuq ix-xellug.” L-avukat difensur tiegħu Ian Duguid staqsieh kif ħassu meta sar jaf li tliet persuni mietu fil-karozza li laqat u qal:
“Hija l-aktar ħaġa terribbli li tista’ tisma’ u l-uġigħ tal-familji huwa wkoll l-uġigħ tiegħi. ” Il-Prosekutur Derick Nelson staqsieh jekk irrealizzax li l-Iskozja, partikolarment l-Iskozja rurali, hijiex differenti minn ħafna mill-bqija tar-Renju Unit. Hu wieġeb: “Issa naf.” Huwa qal lill-qorti: “Ma kontx familjari ħafna mal-postijiet li konna qed inżuru.” Huwa qal li parti mill-vjaġġ minn Edinburgh għal Glamis kienet karreġġjata doppja u żied: “Ħsibt li t-triq kollha kienet se tkun l-istess.”
Patane, ta’ 74 sena, li kien il-passiġġier fuq si-sit ta ‘quddiem fil-minibus, qal li induna li l-vettura kienet qed tivvjaġġa fil-karreġġjata ħażina qabel ma seħħ l-“impatt terribbli”. Huwa qal li Ciociola kien deher “rilassat u perfettament tajjeb fuq l-isteering” matul il-vjaġġ, iżda kellu tħassib dwar it-triq. Iżda qal li nduna li qabel il-ħabta kienu fil-karreġġjata żbaljata. Qal: “Għajjat għax rajt id-dawl tal-karozza ġejja.” Huwa kien mistoqsi jekk Ciociola kienx irreaġixxa għall-għajta tiegħu iżda qal: “Ma kienx hemm ħin. Ma kienx hemm biżżejjed ħin għal dan.”
//= $special ?>