Lokali Qorti

Tong beda jħoss uġigħ sagħtejn wara li ddaħħal fiċ-ċella

Il-Kunstistbbli Karl Isaac Schembri stazzjonat fil-lock up tad-depot qal li kien is-Surġent Karl Vella Cassia akkumpanja lil Richmond Tong meta daħal il-lock-up fejn deher li kien kollox sew. Qal li lil Tong irreġistrawh normali għall-ħabta tas- 1.30am u wara li għamlulu tfittxijiet u daħluh fiċ-ċella. Tenna li Tong beda jħoss uġigħ għall-ħabta tat-3.30am.

Dan ħareġ hekk kif quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke, kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront tal-Ispettur Stacy Gatt ta’ 28 sena minn Ħaż-Żebbuġ u s-Surġent ta’ 35 sena Karl Vella Cassia mir-Rabat. Huma qed jiġu mixlija bi qtil involontarju ta’ Tong waqt li kien arrestat fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija. 

Vella Cassia qed jiġi mixli wkoll li ta xhieda falza taħt ġurament waqt l-inkjesta maġisterjali dwar il-mewt ta’ Tong. Tong kien miet fl-24 ta’ Ġunju, 2020, fl-3.40am. madwar 10 minuti wara li qal li beda jħoss l-uġiegħ. Il-Kuntistabbli Karl Isaac ikkonferma dak li kien xehed fl-inkjesta, fejn wieġeb għad-domandi tal-avukat Franco Debono, li qed jassisti lill-familja ta’ Tong flimkien mal-Avukati Marion Camilleri u Francesca Zarb.

Debono staqsa wkoll jekk meta Tong ittieħed il-lock up, xi ħadd informahomx li kien bela’ xi ħaġa u x-xhud wieġeb fin-negattiv. Il-Kuntistabbli Schembri qal ukoll fil-Qorti li huma bdew iduru kull kwarta. Kollega tiegħu kien qed jagħmel ir-ronda u sema ħoss u ra lil Tong nofsu fuq is-sodda u nofsu fl-art. 

Qal li dak il-ħin assistewh kif setgħu sakemm ġiet l-ambulanza, li qal ma tantx damet biex wasslet u t-tim mediku assistih fiċ-ċella stess sakemm iċċertifikawh mejjet hemm. L-Avukat Gianella De Marco, li qed tidher għal Stacy Gatt, staqsiet kif deher Tong meta twassal il-lock-up.

Ix-xhud qal li għalih kien normali u f’siktu. Kemm hu u kollega tiegħu għamlu ronda kull kwarta biex jaraw li kollox sew, u lil Tong staqsewh iridx te jew xi ħaġa u qalilhom le. Staqsewh anki jekk jixtieqx jara tabib u qalilhom li m’għandux bżonn. Xehed li kien xħin għajjatlu kollega tiegħu għall-ħabta tat-tlieta u nofs indunaw li Tong kellu bżonn l-għajnuna.

Xhud ieħor kien l-eks Spettur Alfred Cachia li kien staqsa lil Tong jekk kellux bżonn tabib u qallu le. Qal li Tong ma kienx jidher li kellu bżonn tabib. Ikkonferma li ħadd ma nfurmahom b’xejn dwar Tong u li minn tfittxijiet li għamlu fuq il-persuna ta’ Tong qabel daħluh fiċ-ċella, ma nstab xejn. Xehed li staqsewh jekk jieħux medikazzjoni u jekk ħax xi ħaġa u Tong qalilhom li ma ħax.

L-Avukat Joe Giglio, li qed jidher għal Vella Cassia staqsa jekk is-Suġent Vella Cassia baqax il-lock-up sakemm kien magħrraf li Tong kien kollox sew u daħluh fiċ-ċella għax dik hija l-prassi ma’ kull persuna li tiddaħħal il-lock-up. Ix-xhud ikkonferma u qal normalment anki meta detenut jgħidilhom li jrid jara tabib, il-pulizija li jwasslu ħafna drabi jakkumpanjah hu għand it-tabib. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Darrel Borg. Il-kawża ġiet differita għat-30 ta’ Novembru.