Lokali

“Wara 61 xahar mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia għadna qed nistennew ġustizzja” – Repubblika

F’għeluq il-61 xahar mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia saret velja oħra bit-tema “Verità u Ġustizzja”. Il-velja ttelgħat fil-Belt Valletta quddiem il-mafkar ta’ Caruana Galizia.

Il-kelliema preżenti waqt il-velja kienu: il-Viċi-President ta’ Repubblika, Alessandra Dee Crespo, fost l-oħrajn, il-professur u attivist; Kevin Cassar, ġurnalist; Julian Delia u l-avukata u attivista tal-Occupy Justice, Martina Farrugia.

“Għadna qed nistennew ġustizzja sħiħa għal Daphne u għall-istejjer tagħha”. Hekk saħqet l-ewwel kelliema waqt din il-Velja, Alessandra Dee Crespo, fejn tkellmet fuq it-tkaxkir tas-saqajn tal-Avukat Ġenerali. Filwaqt li ddiskutiet l-element ta’ ħabi madwar l-każ tal-bank Pilatus, u sostniet ukoll li l-ogħla uffiċjali ta’ pajjiżna jistinkaw biex ma toħroġx il-verità.

Il-Professur Kevin Cassar, saħaq li l-verità hija l-akbar theddida għall-Partit Laburista. Huwa għalhekk li jqisu lil Caruana Galizia bħala l-għadu tagħhom, għaliex dak li kixfet, u li kienet se tkompli tikxef kien itellfilhom il-poter u l-impunità.

Minn naħa tiegħu, il-ġurnalist Julian Delia, tenna li ma nistgħu qatt nwaqqfu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni f’pajjiżna u l-bidla li tant għandna bżonn. Huwa qal li bħala poplu m’għandna qatt niskużaw l-imġieba ta’ dan il-Gvern. Hu għalaq id-diskors tiegħu billi sostna li kulħadd għandu rwol f’din il-ġlieda.

Intant, Martina Farrugia, attivista tal-Occupy Justice, saħqet li hawn nies twajba f’dan il-pajjiż, u li għadhom jemmnu fit-tajjeb u l-ħażin u li jridu isemmgħu leħinhom. Dan filwaqt li saħqet li l-Pulizija u li l-uffiċċju tal-prosekutur għandhom bżonn iżjed fondi biex isaħħu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Din il-bidla isseħħ bis-saħħa ta’ ċittadin determinat li ma jħallix li l-Gvern jgħaddi minn fuqu.