Lokali

Wieħed mill-kanvasers ta’ Ian Borg jispiċċa investigat mill-Pulizija

Net News jinsab infurmat illi fl-aħħar sigħat, il-Pulizija nterrogaw lil Rene Antonelli – il-persuna li kien fiċ-ċentru tal-kontroversja kollha marbuta mal-filmat illi xxandar ilbieraħ ta’ żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta li dehru jagredixxu persuna li kienet mixħuta mal-art.

Dan il-filmat ġibed kundanna enormi fuq il-media soċjali.

Jidher li fil-filmat, apparti Antonelli, hemm persuna oħra ta’ Transport Malta li ġiet identifikata bħala Ivan Cassar.

Bħalissa, it-tnejn jinsabu sospiżi.

Nies mir-Rabat ikkonfermawlna li Rene Antonelli huwa persuna magħruf sew bħala kanvaser kbir tal-Ministru Ian Borg. U kien propju l-Ministru stess li kien daħħlu fi Transport Malta isuq il-mutur, għaliex Antonelli huwa appasjonat tal-muturi.

Jidher ifajjarlu bil-ponn f’rasu

Fil-filmat li ħareġ ilbieraħ jidher uffiċjal jasal fil-post permezz ta’ mutur u għal xi raġuni, b’ġirja waħda, jmur lejn il-vittma u jfajjarlu daqtejn ta’ ponn f’rasu – bl-uffiċjal l-ieħor li kien fil-post qabel, ikompli miegħu.

Waqt dan kollu, is-sewwieq kien mixħut wiċċu ‘l isfel għal tulu fl-art jaqla’ daqqiet ta’ ponn, sakemm uffiċjali oħra fil-post marru jżommu lill-kollegi tagħhom.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħhom, biż-żewġt uffiċjali involuti preżentament jinsabu sospiżi minn xogħolhom.