15-għaqda qed jappellaw lill-pubbliku biex immedjatament joġġezzjona għad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) li tagħti rigal bikri tal-Milied lill-iżviluppaturi li jiksru l-liġi permezz ta’ emenda legali li tħassar il-konfini ta’ Outside Development Zones (ODZ) u tirregolarizza aktar żvilupp illegali. Il-konsultazzjoni pubblika falza, li tammonta għal perjodu redikolu ta’ 14-il jum, se tagħlaq fil-21 ta’ Novembru, li jfisser li l-oġġezzjoni tal-pubbliku għal din l-iskema atroċi hija urġenti kemm tista’ tkun.
Ir-rappreżentazzjonijiet għandhom jintbagħtu fuq regularisation.amendments@pa.org.mt.
Bl-emendi proposti mill-PA għar-Regolamenti dwar ir-Regolarizzazzjoni ta’ Żvilupp Eżistenti tal-2016, skema li kellha ddum sentejn biss iżda li ġiet estiża b’mod indefinit, l-iżviluppaturi li bnew fuq siti li huma “parzjalment” f’ODZ issa se jkunu jistgħu jħallsu multa biex jillegalizzaw l-irregolaritajiet tagħhom.
Filwaqt li l-iskema ta’ regolarizzazzjoni oriġinali tal-2016 aċċettat biss siti fil-konfini tal-iżvilupp, l-iskema l-ġdida tirreferi għal siti li jidħlu fuq ODZ u se tinkludi wkoll żvilupp illegali li jmur kontra l-politiki tal-ippjanar.
Il-politiki li suppost jipprevjenu tali żvilupp milli jitħalla jsir issa se jiġu annullati minn żviluppaturi li qed ifittxu li jirregolarizzaw l-illegalitajiet tagħhom bi skambju għal multa żgħira.
Dan jippermetti lill-iżviluppaturi jqiegħdu fis-suq il-proprjetajiet tagħhom li qabel kienu illegali peress li l-banek imbagħad ikunu f’pożizzjoni li jiffinanzjaw ftehimiet li qabel ma kinux jistgħu jiġu finanzjati.
L-iskema l-ġdida tal-ODZ tippermetti anke regolarizzazzjoni ta’ proprjetajiet li ġew notifikati b’avviżi ta’ infurzar qabel l-2016 sakemm l-iżviluppatur ikollu permess ta’ qabel l-2016 f’idejh. Differenti għal applikazzjonijiet oħra ta’ l-ippjanar, talbiet ta’ regolarizzazzjoni mhumiex ippubblikati, in-nies ma jistgħux jibagħtu l-oġġezzjonijiet tagħhom matul perjodu ta’ rappreżentanza, u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-Ippjanar dwar dawn l-applikazzjonijiet ma jistgħux jiġu appellati.
Minflok ma jagħlaq l-iskema ta’ regolarizzazzjoni tal-2016 kif kien imwiegħed oriġinarjament, il-gvern iddeċieda li jkompli jwessa’ l-ambitu diġà kkontestat tagħha. Filwaqt li l-qari laxk tal-politiki u n-nuqqas ta infurzar diġà dgħajfu l-konfini tal-ODZ matul is-snin, il-PA issa se tħeġġeġ aktar żvilupp illegali fl-ODZ jekk din l-emenda ssir liġi.
Il-PA tgħid li t-twessigħ tal-ambitu tal-iskema huwa maħsub biex jakkomoda “ċerti sidien ta’ proprjetà” li “ma jistgħux iqiegħdu fis-suq, jew jakkwistaw self bankarju għall-proprjetà tagħhom, minħabba irregolarità li mhix sanzjonabbli, u li seħħet qabel l-2016”.
Filwaqt li huwa redikolu li jkollna ngħidu dan, ikollna nirrimarkaw li l-funzjoni tal-PA mhix li tippermetti n-negozju fis-suq tal-proprjetà iżda li żżomm mal-politiki tal-ippjanar tagħha u tiżgura li l-iżviluppaturi jkunu konformi mal-politika maħsuba biex tissalvagwardja l-ambjent.
Iktar tal-mistħija huwa l-fatt li l-Partit Laburista, immexxi mill-eks avukat tal-PA u Prim Ministru attwali Robert Abela, kien wiegħed kontrolli aktar stretti fuq l-iżvilupp f’ODZ waqt l-elezzjoni ġenerali ta’ din is-sena. Jekk din l-emenda tiġi approvata, l-iskema tagħmel eżattament l-oppost u tippermetti lil żviluppaturi li kemm-il darba injoraw il-konfini tal-ODZ jiksbu approvazzjoni legali għas-serq sfaċċat ta’ spazji li suppost ma jistgħux jiġu żviluppati.
Skont rapport ippubblikat mit-Times of Malta, ġew ippreżentati aktar minn 19,500 applikazzjoni ta’ regolarizzazzjoni minn meta tnediet l-iskema oriġinali fl-2016. B’din l-emenda, se naraw l-approvazzjoni għal eluf ta’ żviluppi illegali oħra. Il-konfini ODZ tagħna jridu jiġu mħarsa, u ninsistu li din l-emenda m’għandhiex titħalla tgħaddi.
//= $special ?>