Raġel allegatament maħtuf u msawwat minn uffiċjali tal-pulizija f’Settembru li għadda qal lill-Qorti li erba’ uffiċjali kienu pparteċipaw fl-attakk u mhux tlieta. Dan ħareġ fil-Qorti hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni ta’ provi kontra Rica Mifsud Grech ta’ 22 sena mill-Furjana, Jurgen Falzon ta’ 24 sena minn Santa Venera, u Luca Brincat ta’ 20 sena minn Ħal Qormi. Il-każ qed jinstema’ quddiem il-maġistrat Joe Mifsud.
It-tliet uffiċjali tal-pulizija bħalissa huma sospiżi mid-dmirijiet, u qed iwieġbu mhux ħatja ta’ akkużi ta’ ħtif, abbuż ta’ awtorità, arrest illegali, iżżomm persuna kontra l-volontà tagħha, żewġ akkużi ta’ attentat ta’ ġrieħi gravi u żewġ akkużi ta’ ġrieħi ħfief, il- akkużi ta’ ħsara fuq il-ġisem aggravati minn motivi razzjali. Brincat jinsab akkużat ukoll li abbuża mill-awtorità tiegħu, li wassal biex persuna tibża’ mill-vjolenza, li ġġorr l-armi proprji u li kellha arma pprojbita.
Wieħed mill-allegat vittmi li safa’ aggredit minn uffiċjali tal-Pulizija qal li kien hemm uffiċjal tal-Pulizija ieħor li kien mal-akkużati u beda jsawtu wkoll. L-ewwel xhud li ta d-depożizzjoni tiegħu permezz ta’ videoconference kien l-espert psikjatriku Joseph Cassar li għamel eżami ta’ wieħed mill-vittmi li allegatament ġie aggredit mill-uffiċjali tal-Pulizija. Cassar ikkonferma li l-vittma, li huwa mis-Somalja, kien fl-Isptar Monte Karmeli u jbati mill-vizzju tad-droga u l-alkoħol. Qal ukoll li iżda jinsab f’pożizzjoni li jixhed.
Cassar kien inħatar mill-Qorti biex jeżamina l-istat mentali tal-allegat vittma, Aldu Wili Ahmed Ali, mis-Somalja. Cassar ikkonferma r-rapport tiegħu bil-ġurament, u spjega li meta Ali jixrob l-alkoħol għandu tendenza li jsir psikotiku u vjolenti.
“Meta ma jiħux droga jew alkoħol ikun tajjeb, iżda mhux qed iżomm l-appuntamenti tiegħu fil-klinika tas-saħħa mentali.” Ali ma kienx kapaċi jfakkar id-data eżatta tal-inċident, iżda kien irrakkonta dak li ġaralu fid-dettall, qal l-espert mediku. Kontro-eżaminat minn Franco Debono, it-tabib ikkonferma li meta taħt l-effett tal-alkoħol jew tad-droga, ir-raġel ikun perikoluż.
Xhud ieħor kien is-Supretendent Raymond Borg, stazzjonat fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid li qal li f’Settembru kien wettaq analiżi fuq fajl fl-Għassa tal-Ħamrun dwar argument li kien inqala’ f’April. Qal li peress li kienu għaddew it-tliet xhur mindu seħħ il-każ, ma setux jittieħdu passi kontra l-akkużati.
Is-Supretendent jgħid li tkellem mal-uffiċjali li akkużaw lit-tliet akkużati bi vjolenza u talabhom jikkonferma dak li kienu qed jgħidu minħabba l-gravità tal-akkużi tagħhom. Ix-xhud qal li t-tliet uffiċjali li taw ix-xhieda tagħhom dwar dak li kienu raw iseħħ fil-preżenza tagħhom għamlu dan bil-ġurament. It-tliet uffiċjali kienu jagħmlu parti minn Shift A.
Xhud ieħor kien is-Supretendent Sandro Camilleri ,stazzjonat fil-Financial Crimes Investigation Department. Xehed li sa ftit ilu kien stazzjonat fl-Għassa tal-Ħamrun. Filwaqt li qal li ma kien involut xejn fl-investigazzjoni ta’ dan il-każ, tenna li kien involut biss fl-argument ta’ diżgwid verbali bejn l-akkużata Rica Mifsud Grech u Surġent. Id-diżgwid kien dwar “l-inkonsistenza” ta’ dan is-Surġent li allegatament kien “jiskarta fuq xogħlu u kien ukoll sessist.
Ix-xhud qal li dan l-argument ma kellu xejn krimninali x’jaqsam miegħu, kien sempliżi diżgwid ħafif u normali. Kompla jgħid li baqa’ jsegwi l-fajl ta’ dan il-każ u li Mifsud Grech stess talbet biex ma tiġix trasferita għaliex ir-relazzjoni bejnha u s-Surġent kienet tjiebet.
L-avukat Veronique Dalli, li qed tidher għall-Pulizija mara qalet li xtaqet tisma’ aktar dwar dan id-diżgwid, bix-xhud jgħid li kien ippropona sistema ta’ rotazzjoni biex ma jkunx hemm l-istess uffiċjali dejjem ma’ xulxin. Saħaq li d-Distrett tal-Ħamrun huwa wieħed eżiġenti ħafna u hemm ħafna xogħol li jsir ġewwa fl-Għassa kif ukoll barra fit-toroq.
Xehed ukoll il-Maġġur Victor Buttigieg li huwa stazzjonat fit-Taqsima tal-Professional Standards u tenna li fis-7 ta’ Ottubru ntalab joqgħod standby minħabba li s-CID kienu se jarrestaw tliet uffiċjali tal-Pulizija. Huwa qal li ġie mitlub jassisti fl-arrest ta’ wieħed mill-akkużati li kien xogħol bil-lejl.
Kompla li kien ma’ grupp ta’ Pulizija li kienu qed jinvestigaw ‘sudden death’. Tenna li kienu marru fuq grupp ta’ Pulizija u staqsew min hu PC645, l-uffiċjali qalulna li dak huwa n-numru tiegħu u qalulhom li kellhom bżonn ikellmuh. Malli mar magħhom, l-uffiċjali nfurmawh li kien se jiġi arrestat u li kellu d-dritt li ma jwieġeb għall-ebda mistoqsija.
L-avukat Franco Debono jistaqsi jekk il-klijent tiegħu Luca Brincat ingħatax id-dritt għall-avukat meta ġie arrestat, bil-Maġġur jgħid li ma jiftakarx jekk ingħatax dan id-dritt. Hawn il-Prosekuzzjoni staqsiet hi x’ingħata Brincat meta ġie arrestat, bix-xhud jgħid li jiftakar li kien ingħata kopja tad-drittijiet tiegħu u għalfejn ġie arrestat.
Ix-xhud ta’ wara kienet Barbara Pace, rappreżentanta tar-Riżorsi Umani tal-Pulizija li tippreżenta informazzjoni tal-impjieg tal-akkużati. Hija kkonfermat li t-tliet uffiċjali jinsabu kollha sospiżi. Kien imiss jixhed Braydon Borg li huwa uffiċjal ta’ fuq ix-xena tar-reat.
Tenna li fit-2 ta’ Ottubru ġie nominat fl-inkjesta li nfetħet fuq dan il-każ ta’ allegat abbuż ta’ poter mill-uffiċjali. Flimkien ma’ Spettur ieħor, kien mar f’post f’Wied Qirda f’żona magħrufa bħala Wied is-Slaleb biex jinvestiga fejn u kif seħħew l-attakki. Saħaq li ttieħdu ritratti ta’ fejn seħħ l-attakk u ttieħed ‘photomontage’ minn fuq ‘Google Maps’ taż-żona u qal ukoll li biex ir-ritratti ma jiġux imbagħbsin tpoġġa plastik fuqhom fejn ġew immarkati ż-żoni fejn seħħew l-attakki.
Allegat vittma jinsisti li r-raba’ uffiċjal kien involut f’attakk.
Somalu allegatament aggredit mill-uffiċjali, residenti l-Marsa – Aldu Wili Ahmed Ali, li xehed bl-Ingliż qal. “Dak il-lejl mort f’ħanut il-Marsa u tlabt xi muniti. Kont fis-sakra,” . Tenna li kisser waħda mit-twieqi tal-ħanut bi żball u s-sid qallu li se jċempel lill-pulizija. Waslu l-uffiċjali tal-pulizija u ttieħed l-għassa tal-pulizija, fejn ingħata xi karti biex jiffirma, qabel ma qalulu li kien se jirċievi notifika tad-data tas-seduta tiegħu.
“L-uffiċjali li kienu barra barra qaluli ‘jekk narawk il-Marsa, insawtuk,” huwa qal. “Lestejt mix-xarba tiegħi u mort il-park and ride tal-Marsa biex norqod hemm.” 30- jew 40 minuta wara, raġel iswed kien involut f’attakk selvaġġ fuq mara fl-inħawi, huwa qal.
“L-istess uffiċjali tal-pulizija waslu u jien indikajt lill-akkużat. Għarfuni, u qalu ‘dak hu – dak hu’ u sawwtuni wara li poġġewli l-manetti.” Ali qal li l-uffiċjali mbagħad ħaduh fi ġnien xi mkien f’nofs il-Marsa u reġgħu sawtuh, waqt li kien għadu immanettjat.
Ir-raġel ma setax jgħid eżatt fejn seħħet l-aggressjoni, iżda ddeskriva l-post bħala li ma kienx ‘il bogħod minn Ħal Qormi u mhux ħdejn xi djar. “Waqqfu l-karozza, ħarġuni u bdew isawtuni. Kien hemm ieħor, kien hemm erba’ pulizija b’kollox.
“L-erba’ uffiċjali wettqu s-swat fuqi, huwa qal. “Persuna misterjuża,” irrimarkat il-qorti. Huwa qal li żewġ uffiċjali tal-pulizija kienu bilqiegħda fuq quddiem tal-karozza u tnejn oħra fuq wara. “Niftakar 100%” “Wieħed minnhom qal ‘kulħadd biex jitfi il-cameras u daħħluhom fil-karozza’ u mbagħad sawwtuni. Ħariġli d-demm.” Qal li seta’ jara d-dwal ta’ dik li ddeskriva bħala l-awtostrada tal-Marsa fil-bogħod mill-post fejn seħħ is-swat.
Wara li l-aggressuri tiegħu telqu, waqt li Ali kien miexi, iltaqa’ ma’ karozza oħra tal-pulizija. L-uffiċjali ġewwa fiha kienu lebsin flokkijiet suwed, huwa qal, li jindika li kienu tal-RIU. Huwa qal eventwalment ittieħed l-isptar Mater Dei, fejn uffiċjal mara kienet iddeskrivietu bħala “miġnun”.
“Għidt lit-tabib” ara, m’iniex miġnun.” Il-Prosekutur Anthony Vella staqsa lix-xhud dwar ir-raba’ uffiċjal tal-Pulizija. “Kien raġel. Naf lill-uffiċjali tal-pulizija kollha stazzjonati fil-Ħamrun. In-nies li sawtuni kienu ġewwa l-Għassa tal-Marsa u l-pulizija qalulu ‘int raġel miġnun, tinsab taħt ordni ta’ trattament, kif nistgħu nemmnuk?’, allura għid grazzi u mur aħsel id-demm.” “Ma nista’ nagħmel ebda rapport tal-pulizija f’Malta għax jgħiduli ‘għandek ordni ta’ trattament’.”
Lura għall-ġrajjiet ta’ dak il-lejl, Vella staqsa lix-xhud x’ġara meta nħareġ mill-karozza tal-pulizija. L-uffiċjali ma kinux ħaduh l-għassa iżda f’post mudlam, fiż-żona barra l-Marsa li kien semma qabel. “Ir-raġel li mhux hawn akkużat fl-awla qal lill-oħrajn biex ma mmorrux l-għassa tal-pulizija … għalqu il-cameras tagħkom qallhom u mbagħad bdew isawtuni.”
Tenna li s-swat kien jikkonsisti f’daqqiet ta’ sieq f’wiċċu,. “Meta għajjejt… bdejt ngħidilhom għaliex tittrattawni bħal annimal?” L-uffiċjali kollha neħħew il-body cams tagħhom waqt l-attakk, huwa tenna. Ir-raba’ uffiċjal kien magħhom.
“Wieħed minnhom kien spettur. Qalilhom ‘ejja għamlu li għandkom tagħmlu – ejja ejjal!’ Kollha kemm huma sawwtuni…” Filwaqt li ndika lil Luca Brincat, wieħed mill-akkużati, fejn qal li qabel l-aggressjoni, kellu inċident preċedenti miegħu.
Tenna li darba kien rieqed quddiem fergħa tal-BOV, huwa qal, meta karozza misjuqa minn Brincat ħarġet u l-uffiċjal niżel, u beda jroxx il-pepper spray u qabbad it-taser, qabel staqsih “għaliex qed torqod hawn?” Il-vittma qal li kien jorqod quddiem il-bank biex kull attakk bħal dan jinqabad fuq CCTV.
L-uffiċjali kienu tefgħu t- torch f’għajnejh waqt li kien fl-art u għalhekk ma setax jara wiċċhom, huwa żied jgħid. Il-Qorti staqsiet x’ġara meta ġie sprejjat. “L-effett tal-isprej kien li ma stajt nara xejn. Kont għadni immanettjat mal-art.” Huwa indika lil Jurgen Falzon bħala “l-ispettur,” u spjega li meta kien ittieħed il-Ħamrun, Falzon kien iffirmalu l-ħelsien tiegħu.
Kontro-eżaminat minn Franco Debono, ix-xhud ikkonferma li kien tpoġġa taħt ordni ta’ kura għal abbuż ta’ droga u alkoħol. L-avukat issuġġerixxa li r-raġel kien spiċċa fl-inkwiet mal-awtorità fil-passat, partikolarment fl-isptar. “Ma’ kulħadd hkk jien, kif ikellmuni, nitkellem magħhom,” wieġeb ix-xhud.
“Jekk int pulizija, ħaddiema tas-sigurtà soċjali u ma turinix rispett, se ngħidlek li jien mhux parti mill-familja tiegħek u nittrattahom bl-istess mod kif jittrattawni.” Ix-xhud qal li kien l-aktar imdejjaqmeta qalulu li kien miġnun minħabba l-ordni ta’ trattament, kull meta pprova jkellem lill-pulizija biex jipproteġi d-drittijiet tiegħu.
Jitmejlu bih fl-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun
Ali qal li kien kisser ħġieġa f’ħanut bi żball u ttieħed l-għassa tal-pulizija. Sid il-ħanut, ċertu Mustafa, kien diġà hemm, huwa qal. Waqt li beda jipponta lejn Brincat fl-awla, x-xhud qal li darba fl-Għassa tal-Pulizija, dan tah karta fil-baxx fejn Brincat stess kien niżlu f’pożizzjoni umiljanti u fl-Għassa tal-Pulizija kulħadd spiċċa jidħak bih.
Fit-tieni okkażjoni qal li ġie arrestat kienet b’rabta ma’ ġlieda li kienet tinvolvi mara. Il-Maġistrat Mifsud staqsa lir-raġel jekk kienux inqrawlu d-drittijiet tiegħu qabel l-interrogazzjoni. “Le. It-tieni darba, meta rawni, imbuttawni mal-art u immanettjawni.”
“Meta kont ġewwa l-għassa tal-pulizija, qaluli ‘jekk narawk barra nsawtuk,’” huwa tenna filwaqt li indika liż-żewġ akkużati irġiel. L-Avukat Debono ssuġġerixxa lix-xhud li Luca Brincat ma kienx qiegħed ġewwa l-għassa fil-ħin tal-ewwel arrest tiegħu. “Mhux vera. Kien l-ewwel wieħed fl-għassa bilqiegħda quddiemi…kien li fetaħ il-bieb,” wieġeb ix-xhud.
Fir-rigward tat-tieni inċident, qal li l-uffiċjali waslu b’karozza. “Qatt ma niġġieled mal-pulizija. U kien hemm it-tfajla, tgħidilhom li dan sawwatni [b’referenza għalih innifsu] jew xi ħaġa hekk. Imbagħad poġġewni fil-karozza. Jien ma għedtilhom xejn u huma l-istess. Imbagħad bdew isawwtuni.”
Ix-xhud saħaq li ma qalx kelma, għalkemm ammetta li kien xorob aktar inbid matul il-ħin li qatta’ miexi lejn l-għassa.
“L-Ispettur” Jurgen Falzon kien preżenti fl-għassa tal-pulizija fiż-żewġ drabi li r-raġel mar l-għassa, huwa qal.
Wieħed mill-avukati difensuri ssuġġerixxa li dak iż-żmien wirġed mill-akkużati kien x’imkien ieħor.
“Ftakar li kont fis-sakra,” huwa qallu. Ix-xhud saħaq li kienu hemm. “Fl-għassa tal-pulizija, jien nafhom. Kollha, nafhom,” qal waqt li qal lill-qorti li kellu l-karti f’fajl id-dar. Veronique Dalli talbitu jikkonferma li wieħed mill-uffiċjali li sawtu ma kienx preżenti fil-Qorti llum. Huwa kkonferma dak li qaltlu l-Avukat.
Il-każ ikompli fid-29 ta’ Novembru fil-11.00-am. L-Ispetturi Joseph Mercieca u Omar Zammit mexxew il-Prosekuzzjoni. L-Avukati Anthony Vella u Kaylie Bonnett qed jirrappreżentaw lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Veronique Dalli u Dean Hili qed jassistu lil Mifsud Grech. L-Avukat Edmond Cuschieri huwa l-avukat ta’ Falzon. L-avukati Franco Debono u Francesca Zarb huma l-avukati difensuri ta’ Brincat.
//= $special ?>