L-iskema ta’ reċiklaġġ tal-fliexken tal-plastik, ħġieġ u kontenituri tax-xorb tal-landa mhux tal-Gvern.
BCRS Malta Ltd. hu l-operatur liċenzjat tal-Iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb ta’ Malta. BCRS Malta Ltd. ġiet inkorporata mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Produtturi tax-Xorb, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Importaturi tax-Xorb u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Bejjiegħa tax-Xorb bl-obbligu, fost l-oħrajn, li tassumi r-responsabbiltà kollettiva estiża tal-produttur f’isem il-produtturi, importaturi u bejjiegħa bl-imnut ta’ kontenituri tax-xorb li jintużaw darba biss, u tieħu l-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-ġbir tal-kontenituri tax-xorb skont ir-Regolamenti tal-2020 dwar ir-Riċiklaġġ tal-Kontenituri tax-Xorb.
Filwaqt li fl-ebda mument ma ġie miċħud li hemm lok ta’ titjib fl-iskema, fost oħrajn għal nies li ma jistgħux joħorġu minn djarhom sabiex isarfu l-fliexken, f’vouchers ta’ 10ċ, BCRS spjegat li l-iskema intlaqgħet tajjeb ħafna min-nies, u fil-fatt fi żmien 60 siegħa mit-tnedija tal-iskema ‘l fuq minn 300,000 kontenitur tax-xorb li jintuża darba ġew depożitati b’suċċess f’Reverse Vending Machines mill-konsumaturi, liema kontenituri qed jinġabru mill-magni fuq bażi kontinwa u jintbagħtu lejn il-Clearing Center f’Ħal Far biex jitqassam skont il-materjal u jkun riċiklat.
BCRS Malta qed timmonitorja s-sitwazzjoni kontinwament u għandha Timijiet ta’ Rispons Tekniku għaddejjin biex jinvestigaw u jsolvu kwalunkwe sitwazzjoni malajr kemm jista’ jkun biex jitnaqqas kull inkonvenjent.
Minbarra t-320 BCRS Reverse Vending Machines disponibbli għall-użu pubbliku, installati fis-supermarkets u ħwienet ewlenin tax-xorb, u l-Public Recycling Hubs madwar Malta u Għawdex, fejn applikabbli, persuna tista’ wkoll teħodhom għand bejjiegħa tal-merċa li qed jipparteċipaw fl-iskema bħala post ta’ fidwa bl-użu ta’ ġbir manwali.
Ta’ min jinnota wkoll li, meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra fejn din l-iskema ilha topera għal numru ta’ snin u intlaħqu l-miri għoljin ta’ riċiklaġġ, Malta għandha l-ogħla rata fl-Ewropa ta’ RVM għal kull Km kwadru, kif ukoll fost l-ogħla rata ta’ RVM għal kull abitant.
//= $special ?>