Futbol Sport

FA Trophy: Żabbar St. Patrick jaħsdu lil St. Andrews

(Ritratt: Cameron Farrugia - Żabbar St Patrick FC media)

L-Erbgħa ntlagħbu erba’ logħbiet oħra mir-Rawnd Preliminari tal-FA Trophy b’Tarxien, Naxxar, Żabbar u Attard kollha jagħmluha għar-rawnd li jmiss.

Fl-uniku partita fis-Centenary Stadium Żabbar St. Patrick issorprendew u għelbu lil St. Andrews 4-0 b’dawn tal-aħħar jiddiżappuntaw wara r-rebħa bl-istess skor li kellhom fil-kampjonat kontra Mtarfa fi tmiem il-ġimgħa. David Oliveira Souza fetaħ l-iskor wara 19-il minuta b’Nick Borg jagħmel l-iskor 2-0 fis-26 minuta. Olivieira Souza għaqqad doppjetta personali u t-tielet għal Żabbar b’gowl fit-32 minuta biex l-ewwel taqsima 3-0 għall-iskwarda mmexxija minn Mark Miller. Kenneth Aquilina ssiġilla r-rebħa fid-69 minuta għal skor finali ta’ 4-0.

F’partita oħra li ukoll kienet l-unika waħda fis-Sirens Stadium Attard għelbu lil Birżebbuġa St. Peters 3-2. Wara biss 20 minuta Attard marru fil-vantaġġ permezz ta’ Glending Farrugia, vantaġġ li damu jgawdu biss minuta meta Touray Ousman ġab il-gowl tad-draw. Attard skorjaw darbtejn oħra b’doppjetta ta’ Lydon Cuschieri minn penalty fid-49 u gowl ieħor fit-53 minuta. Yeassous Camilleri reġa daħħal lil Birżebbuġa lura fil-logħba fis-87 minuta iżda dan kien tard wisq bl-iskor sa tmiem il-konfront jibqa’ dak ta’ 3-2 favur Attard.

Fl-ewwel konfront li kelna lbieraħ fil-Victor Tedesco Stadium, Naxxar Lions ma batewx wisq biex għlebu lill-Għawdxin ta’ Oratory Youths 5-1. Neil Pace Cocks tefa’ lil Naxxar fil-vantaġġ fis-17-il minuta biex man-nofs siegħa logħob kien il-Kolombjan Robinson Blandon Rendon li rdoppja l-iskor. Haraan Hajazan Goncalves Barbosa naqqas id-distakk għat-tim tal-Oratorju b’gowl fil-55 miunta iżda fit-72 minuta reġa’ kien Robinson Blandon Rendon li għamel l-iskor 3-1 favur Naxxar. Il-Lions għamluhom erbgħa għaxar miuti wara permezz ta’ awto gowl ta’ Antonio Xuereb biex fis-87 minuta kien Sven Fabri li ssiġilla l-r-rebħa għal Naxxar Lions u kwalifikazzjoni għar-rawnd li jmiss tal-FA Trophy.

Tarxien Rainbows kellhom jidħlu fil-ħin barrani biex qatgħu passaġġ għar-rawnd li jmiss b’rebħa ta’ 2-0 fuq Kalkara United wara li sad-90 minutal-iskor baqa’ ma nfetaħx. Tarxien kellhom idaħħlu xi plejers li kellhom f’rashom i jserħu fil-ħin barra biex l-ewwel gowl wasal minn Thiago Nonato Peixoto fil-106 minuta bis-sostitut Emmanuel Mbong jiskorja t-2-0 għar-Rainbows.