Futbol Sport

Gowl fl-aħħar minuti jċaħħad lill-Maltin minn rebħa wara wirja mill-aqwa

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Rowen Camilleri

MALTA…………….2

GREĊJA…………..2

Malta: H. Bonello, J. Borg (K. Micallef 80’), R. Camenzuli, S. Borg (F. Apap 46’), M. Guillaumier, J. Mbong (J. Corbalan 52’), P. Mbong (B. Kristensen 80’), E. Pepe, T. Teuma, J. Degabriele (A. Satariano 80’), S. Dimech (J. Jones 80’),

Greċja: A. Paschalakis, G. Tzavellas (K. Koulierakis 46’), D. Pelkas, A. Bakasetas (A. Bouchalakis 46’), L. Rota, P. Hatzidiakos, P. Mantalos, D. Giannoulis (G. Kyriakopoulos 80’), T. Chatzigiovanis, M. Siopos (S. Alexandrpoulos 80’), F. Ioannidis

Imwissija: R. Camenzuli 26’, E. Pepe 41’, P. Mbong 67’ (M), M. Siopis 35’, P.Mantalos 67’ (G)

Skorjaw:  A. Bakasetas 39’, T. Fountas 86’ (G), J. Degabriele 54’, T. Teuma 67’ pen (M)

Referee: Alain Durieux (Lussemburgu)

Assistenti Referees: David Mateus Santos u Tom Hansen (Lussemburgu)

F’partita mill-isbaħ u movimentata għall-aħħar Malta u l-Ġreċja spiċċaw fi draw ta’ 2-2 bil-Maltin idawwru żvantaġġ ta’ 1-0 u jmorru minn fuq iżda sfortunatament sofrew gowl fis-86 minuta li ċaħħadna minn rebħa meritata wara wirja mill-aqwa.

Fl-ewwel azzjoni denja ta’ nota wara għaxar minuti Joseph Mbong jaqbeż plejer f’tarf il-kaxxa u jitfa pass lejn Degabriele li kien fil-kaxxa ż-żgħira iżda sfortunatament ma żammx il-ballun tajjeb u spiċċa f’idejn Paschalakis. L-ewwel xutt lejn il-lasti wasal mill-Maltin fl-14-il minuta meta kienet azzjoni mibdija minn Matthew Guillaumier li għadda lejn Teddy Teuma li wara li avvanza prova xutt minn barra l-kaxxa li għadda ftit barra.

Fid-39 minuta l-Griegi marru fil-vantaġġ minn azzjoni mibdija minn Pelkas li għadda lejn in-nofs fejn kien hemm ANASTASIOS BAKASETAS li kkontrolla u minn tarf il-kaxxa spara xutt li ma ta l-ebda ċans lil Henry Bonello. Din kienet l-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima bil-Griegi jidħlu jistrieħu f’vantaġġ ta’1-0 għalkemm it-tim Malti forsi kien xi ftit aħjar mill-avversarji.

Shaun Dimech jipprova jaqbeż lil Giannoulis (Ritratt: Josef Fitzpatrick)

It-tim Malti fit-tieni taqsima ħareġ bl-istess attitudni u fl-54 minuta ġab il-gowl tad-draw meta l-ewwel kien Shaun Dimech li għadda lejn Matthew Guillaumier li b’pass preċiż ġab lil JURGEN DEGABRIELE waħdu li minn quddiem Paschalakis tefa’ ġewwa. Fil-65 minuta it-tim Malti ingħata penalty meta s-sostitut Bouchalakis deher imiss b’idu l-kross ta’ Paul Mbong. Mill-11-il metru kien Teddy Teuma li tefa’ lill-golkeeper naħa u l-ballun in-naħa l-oħra biex tefa’ meritatament lil Malta fil-vantaġġ. Fis-77 minuta l-Griegi protestaw bi kbir għal penalty meta l-ballun deher jitla’ ma jdejn Teddy Teuma iżda r-referee u l-uffiċjali ħasbuha mod ieħor u ħallew il-logħob għaddej.

Fit-83 minuta Henry Bonello wettaq save mill-aqwa fuq xutt minn bara tas-sostitut Fountas. Tliet minuti wara Greċja jġibu l-gowl tad-draw meta Bonello rnexxilu jinterċetta l-kross ta’ Gioros Kiriakopoulos bil-ballun jiġi għand TAXIARCHIS FOUNTAS li b’xutt b’saħtu għeleb lil Bonello għal 2-2. Il-Griegi komplew jippressaw biex jiksbu l-gowl tar-rebħa u fid-90 minuta kross ta’ Chatzigiovanis isib lill-awtur tat-tieni gowl Fountas li b’xutt akrobatiku mpenja għal darb’oħra lil Bonello li reġa’ wettaq save tajjeb u dawwar f’korner. L-iskor sat-tisfira finali baqa’ dak ta’ 2-2 bil-Maltin joħorġu mill-pitch b’rashom mgħollija wara wirja mill-aqwa kontra tim kwotat ħafna aktar.

Il-gowl tad-draw tal-Griegi skorjat minn Taxiarchis Fountas (Ritratt:Josef Fitzpatrick)