Lokali Qorti

Il-fatt li l-aħwa Degiorgio ammettew fil-ġuri – t-talba fuq nuqqas ta’ smigħ xieraq ma tinkwadrax

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha ma laqgħetx talba tal-aħwa Alfred u George Degiorgio fuq nuqqas ta’ smigħ xieraq minħabba fost oħrajn li huma fil-ġuri ammettew l-akkużi kollha miġjubin kontrihom. L-Imħallef Grazio Merceica qal li ma baqax lok li jordna li l-każ jerġa jibda mill-ġdid għaliex l-ammissjoni tagħhom ġabet kollox fix-xejn.

Fl-14 ta’ Ottubru li għadda, l-aħwa George u Alfred Degiorgio, ta’ 59 u 57 sena rispettivament, kienu kkundannati 40 sena ħabs kull wieħed wara li fil-ġuri tagħhom, li dam biss ftit sigħat, ammettew li fis-16 ta’ Ottubru tal-2017 qatlu lil Daphne Caruana Galizia fil-Bidnija permezz ta’ bomba li tpoġġiet fil-karozza tagħha. Huma kienu ordnati wkoll iħallsu €42,930 fi spejjeż tal-Qorti.

Il-Qorti qalet fid-deċiżjoni tagħha li essenzjalment l-aħwa Degiorgio ilmentaw minn nuqqas ta’ smigħ xieraq fi
proċeduri kriminali miftuħin kontrihom li wasslu għal ġuri b’akkużi ta’ omiċidju volontarju. Waqt is-smigħ ta’ din il-kawża, u ftit wara li beda l-ġuri huma ammettew l-akkużi kontra tagħhom.

Il-Qorti qalet li għalhekk m’hemmx dubju li kwalunkwe preġudizzju li setgħu sofrew minħabba nuqqas ta’ smigħ xieraq
minnhom allegat inġieb fix-xejn. Barra minn hekk, qalet il-Qorti, ma fadalx lok li l-Qorti tilqa’ l-aħħar talba u tordna jew illi l-atti tal-kumpilazzjoni jiġu mħassra u mibdija mill-bidu jew alternattivament li l-atti tal-kumpilazzjoni jintbagħtu lura quddiem il-Qorti tal-Maġistrati biex tisma’ kull prova illi ma semgħetx.

Lanqas fadal lok li tordna lill-istess sabiex tipprovdi dwar kull talba illi ma tat l-ebda provvediment fuqha jew li tħassar u tannulla d-digriet mogħti mill-Qorti fil-21 ta’ Jannar, 2021 jew li tordnalha tagħmel dak ordnat lilha mill-Qorti Kriminali fid-digriet tas-7 ta’ Jannar, 2021.

Il-Qorti qalet li għalkemm l-aħwa ma ċedewx formalment l-atti tal-kawża fil-mertu, ladarba l-istess mertu huwa eżawrit u l-Qorti m’hijiex se’ jkollha tagħti deċiżjoni dwarha, huwa xieraq li għall-finijiet ta’ tassazzjoni jitqies bħallikieku
l-kawża kienet ċeduta.,

L-aħwa Degiorgio qalu li ilhom arrestati mill-4 ta’ Diċembru, 2017 u fil-5 ta’ Diċembru, 2017 qalu li flimkien ma’ ċertu Vincent Muscat ġew imressqa quddiem il-Qorti tal-Maġistrati akkużati b’diversi reati, fosthom li f’dawn il-Gżejjer nhar is-16 ta’ Ottubru, 2017 wara nofs in-nhar qatlu lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, liema qtil kien qed jiġi ppjanat.

Għalhekk kien hemm proċeduri ta’ kumpilazzjoni għaddejjin fil-konfront tagħhom u Vincent Muscat. Qalu li waqt illi kienu qegħdin jitressqu l-provi fil-kumpilazzjoni, waqt illi kien għad hemm kwistjonijiet pendenti u fil-waqt illi l-Uffiċjali Prosekuturi u l-Avukat Ġenerali kienu għadhom ma ddikjarawx illi eżawrew jew għalqu l-provi tagħhom, l-Avukat Ġenerali ppreżenta l-Att t’Akkuża fil-Qorti Kriminali kontrihom.

L-aħwa Degiorgio qalu li huma qegħdin iressqu dan l-ilment tagħhom billi fil-konfront tagħhom ġie leż id-dritt għal smigħ xieraq kif garantit mill-artikolu 39 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u mill-artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali inkorporata fil-Liġijiet ta’ Malta bis-saħħa
tal-Kap. 319 tal-Liġijiet ta’ Malta quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.

Qalu li din il-leżjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom seħħet mhux biss għaliex l-Ewwel Qorti minnha innifisha hija Qorti illi ma toffrix il-garanziji ta’ indipendenza u imparzjalità li suppost toffri Qorti, iżda wkoll għaliex f’aktar minn okkażjoni waħda l-Avukat Ġenerali uża l-poteri tiegħu illi jikkontrolla dak illi jiġri quddiem l-istess Qorti biex waqqaf u jibblokja lil Alfred Degiorgio milli jagħmel kontro-eżami u milli jressaq provi ‘in difeża’ billi l-Qorti tal-Maġistrati hija subordinata għall-ordnijiet tal-Avukat Ġenerali.

Alfred Degiorgio qal illi bl-eżerċizzju tal-poteri tal-Avukat Ġenerali fuq il-Qorti tal-Maġistrati (jew b’abbuż tagħhom), huwa ġie mċaħħad milli jagħmel kontro-eżamijiet illi huwa ried jagħmel. Matul il-kumpilazzjoni tal-provi Alfred Degiorgio ried illi jagħmel kontro-eżami lil uffiċjali tal-Federal Bureau of Investigation (FBI) li kienu xehdu
quddiem il-Qorti Istruttorja.

B’rikors ta’ nhar it-23 ta’ April, 2019 ippreżentat fl-atti tal-kumpilazzjoni, huwa talab illi jagħmel il-kontro-eżami ta’ tali uffiċjali. F’din l-okkażjoni, l-Avukat Ġenerali irrikonoxxa li Alfred Degiorgio seta’ jagħmel kontro-eżami lil dawn ix-xhieda.

B’digriet mogħti mill-Qorti Istruttorja nhar il-25 ta’ April, 2019, il-Qorti Istruttorja awtorizzat is-smigħ tal-kontro-eżami ta’ dawn ix-xhieda. Matul il-kumpilazzjoni kien xehed ukoll ċertu Mario Cmarec, espert nominat fl-atti tal-Inkjesta Maġisterjali, u Alfred Degiorgio kien irriżerva d-dritt illi jgħammillu kontro-eżami.

Huwa ried illi jagħmel kontro-eżami lil dan ix-xhud u b’rikors ippreżentat minnu quddiem il-Qorti Kriminali nhar id-9 ta’ Lulju, 2019 talab illi tinstema’ x-xhieda tiegħu in kontro-eżami. Din it-talba ġiet milqugħa mill -Qorti Kriminali b’digriet illi ingħata nhar il-11 ta’ Lulju, 2019 illi permezz tiegħu wara li ġiet ordnata komunika lill-Avukat Ġenerali, huwa ġie ordnat jagħmel dak kollu provdut fl-artikolu 405 (5) tal-Kap. 9 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Evidentament però l-Avukat Ġenerali ma riedx joqgħod għal dik l-ordni mill-Qorti Kriminali u kuntrarjament għal dak illi kien ġara fl-okkażjoni fejn Alfred Degiorgio kien talab illi jagħmel kontro-eżami lill-uffiċjali tal-FBI, waqt l-udjenza ta’ nhar il-15 ta’ Lulju, 2019 quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, l-Avukat Ġenerali ivverbalizza illi din ma kenitx il-proċedura idonea sabiex jitħarrku xhieda barranin.

L-Avukat Ġenerali ippreżenta l-Att t’Akkuża kontra Alfred Degiorgio nhar is-16 ta’ Lulju, 2019, jiġifieri l-għada tal-imsemmija udjenza quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u għalhekk l-atti tal-kumpilazzjoni ma baqgħux quddiem l-istess Qorti iżda intbagħatu lill-Qorti Kriminali.

L-aħwa Degiorgio qalu li b’dak illi ġara, jidher b’mod ċar u evidenti illi l-Avukat Ġenerali ma obdiex l-ordni mogħtija lilu mill-Qorti Kriminali u illi huwa jista’ , u effettivament hekk għamel, iġib fix-xejn id-dritt tal-akkużat illi jagħmel kontro-eżamijiet. Fi kliem ieħor, l-Avukat Ġenerali neħħa t-tapit minn taħt saqajn il-Qorti tal-Maġistrati u bblokkja u waqqaf lill-imsemmija Qorti milli tisma’ x-xhieda in kontro-eżami tal-imsemmi xhud Mario Cmarec,

Din is-sitwazzjoni tagħti lok għal ksur tad-drittijiet fundamentali hija waħda lampanti, fejn l-Avukat Ġenerali għandu diskrezzjoni illi jikkmanda l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Maġistrati b’mod illi jippreġudika l-jeddijiet. Il-Qorti Kostituzzjonali ma qabltx ma dan kollu u qalet li dan il-fatt tant huwa fieragħ l-ilment.

Dan għaliex Il-liġi tagħti d-dritt lil kull imputat sabiex huwa stess jitlob li l-atti jiġu rinvijati mingħand l-Avukat Ġenerali lura lejn il-Qorti sabiex din tisma’ x-xhieda u l-provi li l-imputat ikun jixtieq jisma’. L-aħwa Degiorgio ma użawx dan il-poter proċedurali li jagħtihom l-artikolu 405(5) tal-Kodiċi Kriminali, minkejja li huwa dritt li jagħti lill-imputat il-poter li jissupera lill-Avukat Ġenerali u saħansitra jsir f’dak ir-rinviju ezattament li jitlob li jsir l-imputat.