Jidher li s-sitwazzjoni fir-Residenza San Vinċenz de Paule ma kellha ebda kambjament. Dan hekk kif il-Gvern u l-Unjin tal-Infermieri u l-Qwiebel għadhom ma sabux soluzzjoni…bid-diskussjonijiet jinsabu għal kollox weqfin.
Il-Ħamis waranofsinhar Net News staqsa lill-Ministru responsabbli mill-Anzjani Jo Etienne Abela kif inhi s-sitwazzjoni bejnu u bejn l-MUMN, b’Abela jisħaq li l-bieb tiegħu jinsab dejjem miftuħ. Madanakollu b’reazzjoni għal din it-tweġiba, Net News tkellem mal-President tal-Unjin Paul Pace…illi minn naħa tiegħu saħaq li preżentament il-bieb huwa magħluq għal kollox.
Fi stqarrija maħruġa matul il-jum tat-Tnejn, l-MUMN qalet li r-residenza San Vinċenz m’għandha l-ebda rispett lejn l-infermieri…u li preżentament hawn Ministru li ma jafx jiddistingwi bejn xogħol ta’ carer…u xogħol ta’ infermier…b’disrispett enormi len il-professjoni.
Mingħajr ma qgħadet tomgħodha l-Unjin spjegat li r-residenza hija l-agħar post fi ħdan l-istituzzjonijiet tas-saħħa f’Malta u Għawdex – bl-infermieri jispiċċaw trattati ħażin…u bil-kundizzjonijiet tax-xogħol qed jiddeterjoraw.
Għaldaqstant Net News staqsa lill-Ministru Jo Etienne Abela kellimx lill-infermieri fir-Residenza San Vinċenz…bil-Ministru jisħaq li għandu kuntatt kontinwu….u li l-bieb għall-MUMN huwa miftuħ.
Dan kollu wara li infermier fir-Residenza San Vinċenz de Paule spiċċa sospiż minn xogħolu akkużat bl-involviment fl-ghibien ta’ Charlie Fino…ir-resident li lura f’Ġunju kien ħareġ mir-residenza…u nstab mingħajr ħajja ftit tal-ġimgħat wara f’Birżebbuġa.
Il-President tal-MUMN Paul Pace sostna li l-Gvern qed jimxi b’two weights two measures hekk kif żewġ ħaddiema impjegati mal-Ministeru għal Għawdex ma ġewx sospiżi minn xogħolhom b’rabta mal-mewt ta’ persuna li tilef ħajtu waqt li kien qiegħed jagħmel xogħol mingħajr permess f’latrina f’Għawdex.
L-MUMN saħqet kemm-il darba li n-nuqqas ta’ impjegati u infermieri f’San Vinċenz – b’infermier wieħed f’sala ta’ madwar 40 pazjent – ċertament li toħloq inkonvenjent qawwi.
Kawża ta’ dan in-nuqqas ta’ infermieri, anzjani rikoverati fl-Isptar Mater Dei mhux qed jittieħdu fir-Residenza San Vinċenz…iżda d-dar…f’każijiet minnhom anke bil-forza. Bid-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici tiżvela fil-Parlament li raġel ta’ 84 sena tilef ħajtu…d-dar waħdu …ftit tas-sigħat wara li ttieħed bil-forza minn xi Pulizija li kienu ordnati sabiex joħorġuh mill-Isptar Mater Dei.
Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-qraba tal-vittma ma kienux infurmati li ttieħed lura d-dar, wara xaħar rikoverat l-Isptar…bir-raġel allegatament isofri attakk tal-qalb wara l-allegata kedda li ġarrab.
Għaldaqstant din in-nuqqas ta’ kollaborazzjoni minn naħa tal-Gvern ta’ Abela, mhux biss qed toħloq tensjoni bla bżonn, mhux biss qed isofru l-infermieri bi trattament xejn ġust, iżda l-anzjani qed jispiċċaw ma jingħatawx il-kura adegwata li tixraqilhom.
//= $special ?>