L-FA Ingliża qed takkuża lill-attakkant ta’ 26 sena ta’ Brentford Ivan Toney bi ksur ta’ regoalmenti relatati ma’ mħatri fuq il-futbol.
L-imħatri saru bejn Frar tal-2017 u Jannar tal-2021. Toney għandu sal-24 ta’ Novembru biex iwieġeb għall-akkuża.
Aktar kmieni dan ix-xahar, l-attakkant ta’ Brentford qal fuq Twitter li kien qed jassisti lill-FA bl-inkjesti tagħha fost allegazzjonijiet li lagħab imħatri fuq logħbiet tal-futbol.
L-FA Ingliża tinsisti li l-imħatri fuq il-futbol huma pprojbiti għall-plejers, managers, kowċis, impjegati tal-klabbs, diretturi u aġenti liċenzjati.
Persuni bħal dawn huma pprojbiti milli jagħmlu mħatri, direttament jew indirettament, fuq kwalunkwe logħba tal-futbol jew kompetizzjoni li ssir kullimkien fid-dinja.
Fi stqarrija l-FA Ingliża qalet l Ivan Toney qed jiġi akkużat bi ksur tar-regoli tal-imħatri tal-Assoċjazzjoni. Filwaqt li semmiet id-dati relatati ma’ dawn l-akkużi l-FA qalet li Toney għandu sal-Ħamis 24 ta’ Novembru biex iwieġeb għal dawn l-akkużi.
Allegatament, dawn l-imħatri saru qabel ma’ Toney ingħaqad ma’ Brentford u fl-ebda ħin ma ssemma li hu lagħab imħatri relatati ma’ timijiet li kien jilgħab magħhom.
Il-klabb attwali tiegħu Brentford FC qal ġie infurmat li Ivan Toney ġie akkużat bi ksur tar-Regola E8 tal-FA u li l-klabb jinsab f’diskussjonijet privati mal-plejer u r-rappreżentanti legali tiegħu dwar din il-kwistjoni.
L-istqarrija ttemm tgħid li Brentford FC mhux se jkunu qed jagħtu aktar kummenti sakemm tkun solvuta l-kwistjoni.
//= $special ?>