Edukazzjoni Lokali

Jiggradwaw numru ta’ studenti mill-MCAST

L-Arċisqof Charles Scicluna, flimkien ma’ membri tat-Tim taċ-Chaplaincy tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST), it-Tnejn filgħaxija ċċelebra quddiesa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann għall-gradwati l-ġodda tal-kulleġġ.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Scicluna feraħ lill-gradwati l-ġodda għas-suċċess tagħhom fl-istudji. Huwa ħeġġiġhom biex isegwu t-​tagħlim t’Alla fi ħdan il-​professjonijiet rispettivi tagħhom u jaħdmu favur il-​ġid komuni tas-​soċjetà.

Għall-quddiesa taċ-ċelebrazzjoni attendew fost l-oħrajn il-President tal-Bord tal-Gvernaturi, il-Professur Ian Refalo, il-Prinċipal u CEO l-Professur Joachim James Calleja, Deputati Prinċipali, ir-Reġistratur, u diversi letturi u Diretturi tal-MCAST.

Fl-indirizz tiegħu, il-President tal-Kulleġġ il-Professur Ian Refalo ħeġġeġ lill-gradwati ġodda biex japprezzaw l-onestà fil-karrieri futuri tagħhom. Kompla jgħid kif il-gradwazzjoni ta’ din is-sena tenfasizza l-missjoni siewja tal-MCAST li jipprepara lill-istudenti mhux biss b’mod akkademiku iżda wkoll għall-isfidi iebsa tal-ħajja.

Il-Kappillan tal-MCAST Patri Antoine Farrugia enfasizza kif il-Kulleġġ qed jinbidel f’hub edukattiv internazzjonali fejn id-diversità tiġi ċċelebrata kuljum. Dun Farrugia rringrazzja lill-istaff tal-MCAST talli jgħinu kontinwament fit-tixrid tal-messaġġ Nisrani, li jikkontribwixxi għall-missjoni ġenerali li għandna ngħinu lil xulxin biex nirnexxu – xi ħaġa tant importanti f’istituzzjoni edukattiva ta’ livell terzjarju bħall-MCAST.

Iċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni fil-Kulleġġ se jibdew fil-21 ta’ Novembru.  Madwar 621 student se jkunu qed jiggradwaw fil-livelli ta’ Master’s u Bachelor’s, filwaqt li 708 u 112 student temmew id-Diplomi fil-livelli 4 u 5. Fil-livelli 1, 2, u 3, 937 student ieħor temmew l-istudji tagħhom b’suċċess.