“Jeħtieġ li nħaddnu l-edukazzjoni bħala għodda li rridu nsaħħuha tul ħajjitna kollha”.
Dan intqal mill-President tal-Assocjazzjoni ta’ Min Iħaddem Joanne Bondin fid-dawl tal-forum organizzat mill-MEA fl-SME Malta Week.
Il-President tal-MEA Joanne Bondin, qalet li l-ħidma li qed issir hija biex fuq kollox in-negozji jkunu preparati għal sfidi li jafu jiġu fuq ħoġorhom bla ħsieb.
“L-edukazzjoni hija xi ħaġa li jrid ikollna għal tul ta’ ħajjitna, u min iħaddem irid jifhem li l-edukazzjoni hija kruċjali, u jinvesti fit-taħriġ. Qed naraw nuqqas ta’ nies fl-industrija, u rridu ninvestu biex in-nies jikbru u jibqgħu fil-kumpaniji tagħna”
Hija qalet li pajjiżna qed jaffaċċja sfida ewlenija, in-nuqqas ta’ risorzi umani, u dan kollu qed joħloq problemi kbar lil għadd ta’ setturi u lil bosta negozji.
Tkellmet ukoll ma’ Net News dwar x’jista’ jsir biex iż-żgħażagħ ma jibqgħux jitilqu barra minn xtutna, iżda jaraw ukoll futur f’pajjiżna
“Irridu naraw għalfejn qed isir dan il-fenomenu, li jkun hemm nies li jridu jitilqu minn Malta, qed nirriskjaw li jkollna braindrain, li qed nagħmlu aħna qed nippruvaw naraw x’qed iwassal għal dan. Għalxiex? Jista’ jkun minħabba l-istandard of living, tiġi d-domanda: Għalfejn għandi nibqa’ fil-pajjiż?”
Id-Direttur Ġenerali tal-MEA Joe Farrugia qal li f’Malta hekk ikollna ċirkostanzi li dawk li qed jispiċċaw l-edukazzjoni sekondarja jkunu kważi illiterati. Huwa qal li jeħtieġ li f’pajjiżna rridu nsaħħu t-talent, u li dan it-talent jibqa’ f’pajjiżna.
“Huwa inkwetanti li ħafna żgħażagħ iridu jitilqu minn pajjiżna”
Farrugia qal li l-MEA ilha tindika dawn l-isfidi li qed isibu għadd ta’ negozji f’Malta u f’Għawdex għal dawn l-aħħar 4 snin. Huwa tenna li jeħtieġ aktar ħsieb anki għal inizjattivi ġodda, fejn għandna nistaqsu jekk pajjiżna fiċ-ċirkostanza li jinsab fiha, ikunx jiflaħ.
L-ammont ta’ persuni li ddaħħlu bħala persuni ta’ fiduċja, li ġew imdaħħla maċ-ċivil huwa inkwetanti bil-bosta, għax dan qed ineħħi l-motivazzjoni fix-xogħol u spiċċa ċ-ċivil b’kompetizzjoni mal-privat ukoll f’kuntest ta’ ħaddiema li jkunu ngaġġati.
Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar, fejn f’diskors li wettaq li bħalissa huma għadd ta’ negozji li jokorbu għal fatt ta’ bosta nuqqasijiet. Huwa qal li l-PN ilu jipproponi li jitwettaq pjan li jħares lejn l-20 sena li ġejjin. Viżjoni li se tkun qed taħdem biex tneħħi għal kollox l-isfidi preżenti u ssaħħaħ is-settur.
Robert Cutajar min-naħa tiegħu qal ukoll li jeħtieġ li anki naħdmu aktar u aktar biex insaħħu l-edukazzjoni f’Malta u biex it-talent u s-sengħa jiżvillupaw kif hu xieraq.
“Ma rridux naħdmu fuq pjan li jwassalna sal-Elezzjoni Ġenerali li ġejja, iżda fuq pjan li jwassal għal snin fit-tul”
Cutajar appella biex il-Gvern jiddiskuti anki dwar il-Fondi Ewropej akkwistati u kif dawn se jkunu qed jitqassmu.
Għal dan il-forum l-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri għażel li ma jkunx preżenti u bagħat filmat, fejn fih qal li l-Budget 2023 indirizza l-isfidi.
Preżenti għal dan il-forum kien hemm ukoll il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione, is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino u d-deputati Ivan Castillo u Justin Schembri.
//= $special ?>