Ottubru ġab miegħu temp xott u xemxi, bl-ammont totali ta’ sigħat xemxin jisboq in-norma klimatika tax-xahar fejn tkejlu 51 siegħa xemxin aktar min-norma.
Dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li l-kopertura tas-sħab medja għax-xahar kienet aktar baxxa min-norma klimatika.
Filwaqt li fl-aktar jum xemxi ta’ Ottubru tkejlu 10.6 sigħat xemxin, fl-aktar jum mudlam tkejlu biss 0.4 siegħa, hekk kif l-unika maltempata bis-sajjetti tax-xahar laqtet lill-gżejjer Maltin. Dakinhar, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel 18.4 mm xita f’Ħal Luqa.
L-ammont ta’ xita li niżel f’Ottubru li għadda kien kumparabbli ma’ dak li kien tkejjel fl-istess xahar fl-1944 (19.3 mm), l-1987 (19.2 mm) u l-2004 (19.8 mm). Ottubru tniżżel bħala l-għaxar Ottubru l-aktar xott, wara li tkejlu biss 18.6 mm xita.
F’Ottubru ġew irreġistrati wkoll temperaturi sħan, li rriżultaw minn żona ta’ pressjoni għolja persistenti fuq il-gżejjer Maltin u l-parti l-kbira tal-Baħar Mediterran. It-temperatura massima kienet ta’ 28.6°C, filwaqt li dik l-aktar baxxa niżlet għal 15.7°C u ġiet irreġistrata fuq jumejn konsekuttivi.
F’Ottubru t-temp kien ukoll aktar kalm milli mistenni, fejn il-veloċità medja tar-riħ kienet ta’ 5.9 knots minflok in-norma ta’ 7.4 knots. Il-buffura massima ta’ Ottubru laħħqet it-33 knot mid-direzzjoni tal-Majjistral.
//= $special ?>