Lokali

Aaron Farrugia mill-ġdid ma jitfaċċax

Aaron Farrugia, mill-ġdid jaħrab id-domandi. Din id-darba, id-domandi tal-ġurnalisti.

Wara li aktar kmieni din il-ġimgħa l-Ministru għażel li ma jidħolx għall-Plenarja tal-Parlament, Farrugia ma attendiex għal briefing li ngħata lill-ġurnalisti dwar il-proġett tal-mini ta’ ħdejn l-ajruport.

Ġ: Ma nafx jekk tistax tgħidli għaliex il-Ministru Aaron Farrugia ma jinsabx hawnhekk fostna?

Ivan Falzon: Il-Ministru huwa preżenti f’attivtà oħra, se jkollna opportunità li mal-Ministru niġu fuq il-post u naraw il-progress. Għada pitgħada meta l-Ministru jkun jista’. Il-Ministru kuljum iċempilli biex jara kif hu sejjer dan il-proġett u proġetti oħra.

Dwar in-nuqqas ta’ preżenza tal-Ministru Farrugia, saqsejna lill-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Ivan Falzon illi qalilna li l-Ġimgħa filgħodu l-Ministru kien f’attività  oħra.

Il-Ministru Farrugia jinsab taħt pressjoni minħabba l-aħħar każ li jinvolvi Transport Malta, wara li uffiċjali inqabdu b’filmat isawtu persuna li kien mixħut fl-art. Dwar dan il-każ, għaddejja investigazzjoni.