“Il-kuluri ma narahomx imma meta nkun qed inpenġi nħossni qisni nafhom.”
Xejn u ħadd mhu se jwaqqafhom milli jwettqu dak li dejjem xtaqu jagħmlu tul ħajjithom… anke jekk huma neqsin mid-dawl. Fil-fatt, ħames persuni neqsin mid-dawl ngħaqdu flimkien biex tellgħu esebizzjoni ta’ arti tagħhom stess b’messaġġ uniku – kull persuna kapaċi.
Net News tkellem ma’ waħda mill-artisti, Maria Elich li wasslet messaġġ għal dawk li ma jħossuhomx kunfidenti fihom infushom.
“Meta jkollok ċertu esperjenzi ta’ tbatija, trid tagħmel kuraġġ fil-ħajja,” qalet Maria. “Ma tistax tgħid jien se noqgħod f’rokna ma nagħmel xejn. Dejjem trid tiġġieled fil-ħajja. Imbilli nitħassru lilna nfusna mhux worth it.”
Fuq kollox, hi appellat lil dawk li jqisu u jitrattaw lil persuni neqsin mid-dawl b’mod differenti.
“Min ikun jara ma jistax jgħid li min ma jarax hu miskin,” qalet Maria. “Ħadd mhu miskin. Billi tgħidlu miskin mhux se tgħinu iżda minflok tkun qed twarrbu. Għandek tipprova tgħinu u tagħmillu kuraġġ.”
Kull artist għażel bl-immaġinazzjoni tiegħu x’tip ta’ arti jixtieq jagħmel biex finalment uża materjal differenti…. u ħoloq figuri bit-tafal u pitturi li issa jinsabu esebiti f’Casino Notabile, fis-Saqqajja.
Ritratti: Matthew Tabone
//= $special ?>