Għawdex Lokali

“Għandna nipproteġu u mhux inkissru l-ambjent” – Richard England

“Għandna nipproteġu u mhux inkissru l-ambjent għaliex dawn huwa l-wirt li rridu nħallu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Xi ħadd għad jiġġudikana.”

Dan intqal mill-Perit ta’ fama internazzjonali Richard England f’intervista waqt il-programn Għawdex Illum fejn appella lill-awtoritajiet sabiex verament jibżgħu għal pajjiżna u mhux ikomplu jżidu l-bini bl-addoċċ u bla pjan.

Richard England saħaq li l-ambjent irridu ngħożżuh u nikkonservawh. Barra minn hekk huwa tkellem fuq il-ġmiel li kien hawn fil-passat fi żmien meta f’pajjiżna kien hawn ħafna ħdura. Hawn, il-Perit England esprima d-dieqa tiegħu li n-neputijiet qatt ma jistgħu jgawdu dik il-ħdura kollha għaliex il-bini dejjem qed jiżdied.

Waqt din l-intervista tkellem ukoll fuq il-wirja ta’ skizzi tiegħu bl-isem ‘White on Black’ għaliex dan l-artist propju pinġa b’inka bajda fuq karta sewda.

F’dawn l-iskizzi Richard England jidher aktar bħalha artist minimalist hekk kif tiddomina linja irqiqa bajda fl-iskizzi kollha. Barra minn hekk, huwa jirresġistra l-ġmiel tal-wirt arkitettoniku li jsawwar l-ambjent żviluppat b’mod partikolari ta’ pajjiżna.

Dawn l-iskizzi huma stqarrija ta’ mħabbtu lejn pajjiżna fejn l-interpretazzjoni ta’ elementi kuntrastanti jixhdu l-istorja kif ukoll l-iżvilupp ta’ poplu li jsawwru parti sostanzjali mill-memorja kollettiva. F’dawn l-iskizzi hemm binjiet li jixhdu l-imgħoddi ta’ pajjiżna iżda fl-istess waqt hemm ukoll element imaġinattiv fosthom bini mgħawweġ.