Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna:  L-attakki tar-Russi ħallew mal-10 miljuni mingħajr dawl fost l-agħar elementi tax-xitwa

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li mal-10 miljun residenti fl-Ukrajna spiċċaw mingħajr dawl wara li l-qawwiet Russi fetħu baraxx ġdid tal-missili fuq l-infrastruttura fid-diversi artijiet Ukreni.

L-attakki mistennija jkunu devastanti għall-Ukreni li jistgħu jispiċċaw mingħajr il-mezzi – inklużi power stations u ġeneraturi – li jipprovdu s-sħana fi żmien meta bdiet taħkem ix-xitwa kiefra f’dan ir-reġjun.

Fl-aħħar sparaturi tal-missili mietu wkoll numru mhux determinat ta’ Ukreni, b’Zelensky itenni li l-Gvern tiegħu qed jagħmel li jista’ biex jipprovdi kemm jista’ mezzi tad-dawl alternattivi lill-poplu.

Fl-aħħar sigħat, id-difiżi tal-ajru Ukreni waqqgħu numru ta’ cruise missiles u drones tar-Russi wara li l-Armata tal-President Russu Vladimir Putin laqtet aktar stallazzjonijiet tal-enerġija, flimkien ma’ bini taċ-ċivili fiz-zoni rispettivi tal-Ukrajna.

Kollox jindika li l-bumbardamenti huma parti minn ‘tattika speċjali’ tar-Russja biex tintimida u tkisser il-moral tal-Ukreni permezz ta’ dawn l-attakki kontinwi fuq l-infrastruttura. Dan bil-ħsieb li Moska tirrendi l-ħajja kemm jista’ ikun diffiċli għal Zelensky u l-poplu tal-Ukrajna.

Ir-Russi anki biddlu l-istrateġija wara li sofrew sensiela ta’ disfatti umiljanti fuq il-kampijiet tal-battalja f’din l-aħħar fażi tal-gwerra li ilha għaddejja fl-Ukrajna mill-aħħar ta’ Frar.

U l-impatt tal-aħħar tattitiċi militari tar-Russi qed jinħass b’mod dejjem aktar akut, meta l-kapitali Ukrena Kiev u diversi bliet oħra jinsabu koperti bil-borra u meta l-elementi tax-xitwa mistennija jsiru dejjem aktar ‘brutali’ matul il-jiem li ġejjin.

Ta’ inkwiet partikulari hu li ħafna u ħafna Ukreni mgħandhomx il-mezzi biex isaħħnu d-djar tagħhom minħabba d-diversi shutdowns ta’ emerġenza għas-servizzi tad-dawl f’numru ta’ reġjuni.

L-aktar residenti li qed isofru mill-qtugħ tad-dawl jinsabu fi Kiev u l-periferiji tagħha; fil-belt ta’ Vinnytsia, lejn il-Punent kif ukoll fil-belt tal-port ta’ Odessa fil-lbiċ tal-Ukrajna u l-inħawi ta’ Sumy, lejn il-grigal.

Sadanittant, il-poplu Ukren jinsab fuq stat ta’ allert kontinwu għall-possibbiltà ta’aktar bumbardamenti intensivi fuq djarhom u l-infrastruttura min-naħa tar-Russi – bil-magna tal-gwerra ta’ Putin mhix qed tiddistingwi bejn miri militari u l-aspett ċivili.

Mistenni wkoll li d-difiżi Ukreni għal kontra l-attakki tal-ajru jkollhom l-opportunità biex iwaqqgħu aktar missili u drones tar-Russi, iżda ftit hemm dubju li l-bumbardamenti kontinwi fuq il-faċilitajiet tal-Ukrajna qegħdin iħallu l-effett mixtieq mill-Kremlin ta’ Moska.