Lokali

Il-GWU f’tilwima industrijali ma’ Identity Malta

Il-General Workers’ Union iddikjarat tilwima industrijali ma’ Identità Malta minħabba nuqqas ta’ progress dwar is-sitwazzjoni u l-proċedura adottata għar-remunerazzjoni tal-impjegati part-time. Kif ukoll dwar ir-rekrutaġġ ta’ ħaddiema ma’ din l-Aġenzija li jmur kontra l-proċess ta’ rekrutaġġ maqbul fil-ftehim kollettiv.

Il-ħaddiema ġodda qegħdin jagħmlu l-istess xogħol bħall-ħaddiema membri tal-GWU fl-Aġenzija iżda qed jitħallsu ferm iżjed mill-ħaddiema li ilhom jaħdmu ġewwa din l-Aġenzija. Il-proċess ta’ ħlas li ġie adottat mal-ħaddiema ġodda jmur kontra dak stipulat fil-ftehim kollettiv.

It-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi talbet biex jiddiskutu l-kwistjoni f’laqgħa ta’ konċiljazzjoni quddiem id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg (DIER) sabiex jinvestigaw din is-sitwazzjoni u jiggwida għall-aħjar triq ‘il quddiem.