Internazzjonali

Il-Kenja: Tmut ‘l-aktar studenta anzjana’ fl-età ta’ 99 sena

L-aktar studenta anzjana fid-dinja f’livell ta’ edukazzjoni primarja mietet fid-dar tagħha fil-Kenja. Priscilla Sitienei, li kellha 99 sena, żviluppat il-kumplikazzjonijiet fiżiċi wara li attendiet klassi f’nofs il-ġimgħa u bir-riżultat li hi kienet iddikjarata mejta fi kwistjoni ta’ sigħat.

Priscilla Sitienei  u sħabha tal-klassi – li għandhom 12-il sena – kienu qed jippreparaw għall-eżamijiet finali li  jibdew il-ġimgħa d-dieħla.

L-istorja inkredibbli ta’ Priscilla Sitienei   kienet l-ispirazzjoni għal film, bl-UNESCO — l-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għall-kultura u l-edukazzjoni – tfaħħar id-determinazzjoni ta’ din il-mara li twieldet meta l-Kenja kienet okkupata mill-Britanniċi u trabbiet waqt it-taqbida ta’ pajjiżha għall-indipendenza. Sitienei, is-sena l-oħra, kienet infurmat lill-UNESCO li xtaqet tkun l-ispirazzjoni għall-ommijiet biex huma wkoll jirritornaw għal-lezzjonijiet fil-klassi waqt li jżidu l-kwalifiki tagħhom.