Il-Ministeru tad-Difiża fil-Ġappun ikkonferma li l-Korea ta’ Fuq komunista pruvat missila ballistika fuq livell interkontinentali (ICBM) u li kellha biżżejjed qawwa biex tolqot it-territorju tal-Ġappuniżi. Il-missila kienet sparata mill-viċinanzi ta’ Pyongyang u skont is-sorsi infurmati, taret għal distanza ‘aċċettabbli’ u f’għoli ta’ 6,100 kilometru.
Il-Ġappun ilu fuq stat ta’ allert għall-aħħar manuvri militari tal-Korea ta’ Fuq u fl-aħħar sigħat kien irrappurtat li l-missila inkwistjoni niżlet fil-baħar, xi 210 kilometru ‘il bogħod minn Hokkaido, fid-direzzjoni tal-Punent.
L-Istati Uniti kkundannat il-prova waqt li l-Korea t’Isfel, bħalissa, qed taddotta l-miżuri ta’ deterrent aktar qawwija fil-konfront tat-theddida mir-reġim komunista fi Pyongyang.
Sadanittant, il-Korea ta’ Fuq qed tkompli bl-istqarrijiet aggressivi meta anki mistennija twettaq aktar provi tal-missili matul il-jiem li ġejjin.
Dan waqt li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin fi Pyongyang, Choe Son Hui, wissa dwar reazzjoni ‘aktar ħarxa’ f’sitwazzjonijiet fejn l-Istati Uniti żżid il-preżenza militari fir-reġjun inkwistjoni.
Il-Korea komunista tinsab urtata wara l-laqgħa li saret jiem ilu, fil-Kambodja, bejn il-President Amerikan Joe Biden, il-President tal-Korea t’Isfel Yoon Suk-yeol u l-Prim Ministru tal-Ġappun, Fumio Kishida. F’din il-laqgħa, it-tliet mexxejja qablu biex iżidu l-kooperazzjoni minn aspett militari, bid-dikjarazzjni xejn ma tinżel tajjeb mal-komunisti Koreani ta’ Kim Jong-un.
Fl-aħħar sigħat, il-President Biden kien qed ikun aġġornat dwar is-sitwazzjoni u meta mistenni li l-Istati Uniti se tkun qed tiddiskuti s-sitwazzjoni kontinwament mal-Alleati.
Dan ukoll wara li l-Korea ta’ Fuq sparat ‘il fuq minn 50 missila bi prova tul l-aħħar xahrejn.
//= $special ?>

