Lokali Parlament

Il-Prim Ministru jkompli juri l-arroganza tiegħu – PN

Il-fatt li l-Gvern iddeċieda li jressaq mozzjoni dwar il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika mingħajr ma hemm ftehim bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni jikkonferma l-arroganza tal-Prim Ministru Robert Abela li jibqa’ jipprova jgħaddi romblu minn fuq kulħadd.

Il-Prim Ministru ilu xhur jagħmilha diffiċli li jkun hemm diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra dwar ħatriet importanti bħal ma huma dawk tal-Ombudsman u tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Sitwazzjoni li qed twassal biex kwalunkwe każ li jitressaq quddiem il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ma jiġix investigat u ma jkun hemm l-ebda deċiżjoni dwaru.

Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista kien esprima wkoll d-diżappuntant tiegħu li l-Prim Ministru mhux dispost li jasal fi ftehim dwar persuna biex tinħatar mill-Parlament bħala Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni kienet ċara sa mill-bidu nett. Il-Partit Nazzjonalista iddikjara qbil mal-ħatra tal-Ombudsman iżda mhux man-nomina għall-Kummissarju għall-Istandards fil-ħajja Pubblika.

Tant hu hekk li l-Oppożizzjoni stess kienet talbet biex titressaq mozzjoni biex Joseph Zammit McKeon jinħatar Ombudsman filwaqt li l-Oppożizzjoni appellat biex ikomplu d-diskussjoniijiet biex jintlaħaq qbil fuq il-Kummissarju għall-Istandards.