Wara li tnieda dokument bl-emendi proposti għar-Regolarizzazzjoni ta’ Regolamenti ta’ Żvilupp Eżistenti, maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar għall-konsultazzjoni pubblika, 15-il għaqda esprimew it-tħassib tagħhom u qed jappellaw lill-pubbliku biex immedjatament joġġezzjona għal din il-bidla fil-policies. Skont dawn l-għaqdiet … din id-deċizjoni se tirregolarizza aktar żvilupp illegali.
L-ghaqdiet fakkru kif fl-elezzjoni ġenerali, il-Partit Laburista immexxi mill-eks avukat tal-Planning Authority u Prim Ministru attwali Robert Abela, kien wiegħed kontrolli aktar stretti fuq l-iżvilupp f’ODZ .. iżda issa jekk din l-emeda tgħaddi se tagħmel eżattament l-oppost.
Filwaqt li l-iskema ta’ regolarizzazzjoni oriġinali tal-2016 aċċettat biss siti fil-konfini tal-iżvilupp, l-iskema l-ġdida tirreferi għal siti li jidħlu fuq ODZ u se tinkludi wkoll żvilupp illegali li jmur kontra l-policies tal-ippjanar.
Skond dawn l-Għaqdiet il-policies li suppost jipprevjenu tali żvilupp milli jitħalla jsir issa se jiġu annullati.
L-għaqdiet ambjentali saħqu li minflok ma jagħlaq l-iskema ta’ regolarizzazzjoni tal-2016 kif kien imwiegħed oriġinarjament, il-gvern ta’ Robert Abela iddeċieda li jkompli jwessa’ l-ambitu diġà kkontestat tagħha. Huma fakkru wkoll li l-funzjoni tal-Awtorita tal-Ippjanar mhix li tippermetti n-negozju fis-suq tal-proprjetà iżda li żżomm mal-policies u tiżgura li kull min jiżviluppa jkunu konformi mal-linji gwida maħsuba biex jissalvagwardjaw l-ambjent.
Intant, anka l-Malta Developers Association insistiet li hija kontra dawn l-emendi proposti li ġew ippubblikati mill-Awtorità tal-Ippjanar fl-aħħar jiem għaliex huma m’humiex interessati li jibnu f’artijiet ODZ.
//= $special ?>