L-Istati Uniti ddeterminat li l-Prinċep Mohammed bin Salman – li llum hu effettivament il-Mexxej tal-Arabja Sawdija – għandu l-immunità minn mandat tal-qorti li kienet ressqet l-għarusa tal-ġurnalista maqtul Jamal Khashoggi.
Il-ġurnalista, li kien kritiku prominenti tat-Tmexxija Sawdi, spiċċa maqtul u mqatta f’biċċiet minn grupp ta’ aggressuri fil-konsulat tas-Sawdi f’Istanbul ( fit-Turkija) f’Ottubru tal-2018.
Is-servizzi sigrieti Amerikani esprimew twemmin li Mohammed bin Salman kien ħareġ direttiva speċifika għall-qtil tal-ġurnalista. Iżda skont id-dokumenti tal-qorti, id-Dipartiment tal-Istat Amerikan, issa, ddikjara li l-Prinċep Sawdi għandu status ta’ immunità minħabba r-rwol ġdid tiegħu bħala Prim Ministru tal-Arabja Sawdija.
L-eks għarusa ta’ Khashoggi, Hatice Cengiz, fl-aħħar sigħat, bagħtet messaġġ fuq Twitter li ‘Jamal Khashoggi inqatel għat-tieni darba b’kaġun tad-digriet inkwistjoni’. Fil-jum meta nqatel, il-ġurnalista kien mar fil-konsulat inkwistjoni biex jiġbor xi dokumenti bħala parti minn proċess biex hu ikun jista’ jiżżewweġ lill-istess Hatice Cengiz.
Din il-mara, flimkien mal-grupp favur id-drittijiet umani bl-isem Democracy for the Arab World Now (Dawn) — li kien waqqaf Jamal Khashoggi – kienu qed jitolbu għal ħlas ta’ danni mhumiex speċifikati mingħand il-Prinċep Salman b’konnessjoni mal-omiċidju tal-ġurnalista li kien ixxokkja lid-dinja.
Il-fdalijiet ta’ Khashoggi qatt ma kienu rikoverati u l-eks għarusa tiegħu, sa ftit ilu, kienet qed tittama li tieħu ‘il-ġustizzja dovuta’ grazzi għas-sistema legali tal-Istati Uniti.
Ir-rikors ibbaża fuq l-akkuża li l-Mexxej Sawdi ( Salman) u l-uffiċjali tiegħu kienu ‘ħatfu, rabtu u ttorturaw’ lil Jamal Khashoggi – residenti tal-Istati Uniti – qabel qatluh u ddisponew mill-katavru.
Sadanittant, Agnes Callamard, bħala s-Segretarju Ġenerali tal-grupp Amnesty International, ikkundannat id-deċiżjoni li kkonfermat l-immunità ta’ Salman u li skont hi ‘taċċerta li l-Mexxej Sawdi se jkun eżenti mill-piena dovuta għall-omiċidju u l-konsegwenzi kollha tiegħu’.
Il-Prinċep Mohammed bin Salman, fl-2017, kien issemma bħala l-Mexxej suċċessur tal-Arabja Sawdija minn missieru, ir-Re Salman bin Abdulaziz Al Saud.
Intant, f’Settembru li għadda, Salman, li għad għandu 37 sena, kien ikkonfermat bħala l-Prim Ministru l-ġdid tal-Arabja Sawdija. Dan meta hu għadu qed jiċħad, kategorikament, għal kwalunkwe sehem fil-qtil ta’ Jamal Khashoggi.
//= $special ?>

