Qorti fl-Olanda iddikjarat tliet irġiel ħatja dwar omiċidju b’konnessjoni mat-twaqqigħ tal-ajruplan tal-passiġġieri – Titjira MH17 tal-Malaysia Airlines – li kien seħħ fl-2014 fil-lvant tal-Ukrajna. Fl-azzjoni nqatlu 298 persuna, inklużi tfal, bil-qorti tikkonferma li l-ajruplan kien intlaqat minn missila ta’ manifattura Russa, u li r-Russja kienet ipprovdiet lil grupp ta’ sostenituri armati fl-Ukrajna.
Intant, it-tliet irġiel — żewġ Russi u Ukren – instabu ħatja fl-assenza tagħhom u ingħataw sentenzi ta’ ħabs għal għomorhom. Raġel ieħor, ta’ nazzjonalità Russa, ma nstabx ħati mill-akkużi miġjuba kontra tiegħu,
L-attakk fuq l-ajruplan anki llum jibqa’ imsemmi fost l-agħar reati tal-gwerra fl-Ukrajna, bil-qraba tal-vittmi jemmnu li d-dinja, li kieku, dak iż-żmien, imxiet b’mod aktar iebes mar-Russja, setgħet tevita l-invażjoni tal-Ukrajna u t-taqlib ġeolpolitiku sussegwenti.
It-tliet ikkundannati huma Igor Girkin, il-kap militari tal-hekk-imsejħa Repubblika tal-Poplu ta’ Donetsk li kien organizza l-attakk bl-għajnuna tar-Russja; Sergei Dubinsky, li kien ħa ħsieb it-trasport tal-missile launcher tat-tip Buk li ntuża fl-attakk u Leonid Karchenko, uffiċjal li wkoll kien għen fl-azzjoni u li kien qed jingħata l-ordnijiet mingħand Dubinsky.
//= $special ?>

